Wara ħames snin fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS), fejn żviluppa u rrafina l-abbiltajiet tiegħu fl-isquash kif ukoll fl-akkademja, bis-saħħa ta’ taħriġ individwali mal-kowċ
nazzjonali Niall Engerer, kif ukoll is-sapport kollu mogħti lilu fl-istruttura tajba immens li toffri l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, u wara li għamel l-eżamijiet tal-O’ Levels u kien diġà rrappreżenta lil Malta fil-Kampjonat Ewropew tal-Adulti tal-Isquash, Julian Scerri ddeċieda li jkompli l-karriera tiegħu barra minn Malta biex jissaħħaħ aktar bħala plejer tal-isquash billi jittrenja mal-aqwa plejers fl-Ewropa.
Huwa tana iktar dettalji:
F’Settembru 2023, bdejt nattendi l-Wycliffe College fl-Ingilterra, skola magħrufa bħala waħda mill-aqwa fl-isquash fir-Renju Unit, li tinsab sagħtejn bogħod minn Londra.
Hawnhekk irnexxieli nifforma parti mit-tim ta’ din l-iskola li filfatt rebħet żewġ titli fil- Kampjonat Nazzjonali tal-Iskejjel fir-Renju Unit, rispettivament f’Marzu 2024 u Marzu 2025.
Matul l-ewwel xahrejn tiegħi f’Wycliffe, ksibt żewġ postijiet fuq il-podju f’tournaments Ewropej li saru f’Wales u r-Rumanija. Barra minn hekk, rbaħt il-Malta Open 2023 kemm fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena kif ukoll fil-kategorija tal-adulti – rebħiet li wrew il- progress li kont bdejt nagħmel taħt it-tmexxija ta’ kowċis mill-aqwa u plejers ta’ livell għoli fl-Ingilterra.
F’Jannar 2024, bdejt is-sena b’suċċess billi ddefendejt it-titlu nazzjonali tiegħi ta’ taħt id- 19-il sena u wasalt sas-semifinali fil-kategorija tal-adulti, minkejja li kelli biss 15-il sena.
Lejn l-aħħar tal-ewwel sena akkademika, ksibt l-ewwel titlu Ewropew tiegħi
f’tournament ġewwa l-Lussemburgu – kisba li ġiet wara erba’ snin nikkompeti madwar l- Ewropa. Wara din ir-rebħa, komplejt b’sensiela ta’ suċċessi bi tliet postijiet oħra fuq il-
podju f’tournaments fl-Ingilterra.
Fit-tmiem tas-sena skolastika, għamilt l-eżami tal-AS Level fil-Matematika u ksibt l- ogħla grad possibbli, A, l-ogħla grad fl-iskola kollha.
Wara sajf ta’ taħriġ intensiv (preseason), Ottubru 2024 kien xahar li qatt mhu se ninsa: rbaħt żewġ titli Ewropej konsekuttivi fl-Ungerija u r-Rumanija f’temp ta ġimgħatejn. Fl-
Ungerija rnexxieli nirbaħ kontra n-numru 2 tal-Ewropa, filwaqt li fir-Rumanija rbaħt
tournament ta’ kategorija sentejn ikbar minni tal-U19, mingħajr ma tlift logħba waħda.
Dawn ir-riżultati wassluni biex nitla’ fin-numru 7 tal-klassifika Ewropea taħt is-17-il sena, l-ogħla ranking fil-karriera tiegħi s’issa.
F’Mejju 2025, għamilt l-eżamijiet tal-A Levels fil-Matematika, il-Bijoloġija, il-Kimika u l-
Edukazzjoni Fiżika, b’predicted grades ta’ A* f’kull suġġett – xi ħaġa rari ħafna u
prestiġjuża fl-Ingilterra. Ir-riżultati mistenni joħorġu fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, u ninsab ħerqan ħafna biex nara jekk stajtx nilħaq il-miri tiegħi.
F’Settembru li ġej, sa nkompli l-edukazzjoni tiegħi ġewwa l-Ingilterra fl-University of the West of England f’Bristol. L-għan tiegħi hu li nkompli nsegwi l-ħolma u nikber bħala
plejer professjonali, nitla’ fil-klassifika u ntejjeb il-ranking tiegħi tal-adulti, li bħalissa huwa 560 fid-dinja. Se nkun qed nistudja Masters fl-Optometrija għal perjodu ta’ erba’ snin.
Din l-università toffri taħlita ideali bejn sport u akkademja – ambjent uniku għal dawk li jixtiequ jsegwu dual career bħali u għalhekk jien għażilt din l-Universita. UWE
pproduċiet tnejn mill-aqwa plejers fid-dinja f’din il-ġenerazzjoni, u se jkolli l-opportunità nittrenja ma’ kowċis u plejers mill-aqwa bħal dawn, inkluż dawk li huma fost l-aqwa 100 fid-dinja.