L-atleta ewlenija tal-għawm atistiku f’pajjiżna Zea Montfort għalqet 17-il sena hija eks studenta tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS). Tħarrġet ma’ CN Kallipolis għall-aħħar żewġ staġuni taħt id-direttur tekniku rinomat is-Sinjura Anna Tarres. Ikkompetiet fil-kampjonati Katalani u Spanjoli, u rebħet diversi postijiet fuq il-podju.
Din is-sena ntalbet tipparteċipa fil-kategorija tas-seniors bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra – dawn il-kompetizzjonijiet ġew iffinanzjati minn SportMalta. Bdiet taħdem fuq il-kategorija tas-seniors f’Jannar 2025, bi tħejjija għat-Tazza tad-Dinja 1 fi Frar, il-Malta Open f’April, it-Tazza tad-Dinja 3 fil-Kanada.
Fil-Malta Open ġiet l-ewwel fis-solo free u s-solo tech fil-kategoriji junior u seniors. Ir-riżultati għal dawn it-tliet kompetizzjonijiet wasslu għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra – fejn kiebet il-fidda kemm fis-solo technical kif ukoll fis-solo free. Iż-żewġ koreografiji nkitbu minn Anna Tarres u hija ħejjietha għal dawn il-kompetizzjonijiet. It-taħriġ matul dan l-istaġun u t-tħejjija għal dawn il-kompetizzjonijiet ġew iffinanzjati mill-Malta Sports Scholarship.
Ringrazzjament speċjali minn Zea Montfort imur lill-Malta Sports Scholarship għall-finanzjament (taħriġ barra minn Malta), fejn irċeviet l-ewwel scholarship fl-istaġun 2023-24 u tieni wieħed fl-istaġun 2024-25, SportMalta għall-finanzjament tal-kompetizzjoni internazzjonali, il-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) għall-finanzjament tal-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u t-tim u l-kowċis tal-ASA għall-appoġġ u l-opportunitajiet, u l-familja tagħha għall-appoġġ kontinwu.