Monday, February 16, 2026

Sudaniż jammetti akkużi ta’ traffikar tad-droga u jibqa’ miżmum arrestat

Aqra wkoll

Abubaker Adam Ismail, Sudaniż ta’ 34 sena residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far ammetta l-akkużi  miġjuba kontrih dwar pussess u traffikar ta’ droga.

Is-Sudaniż kien mixli bil-pussess u traffikar tal-kannabis li ma kinux għal użu esklussiv tiegħu.

Hu ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu droga sintetika, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ inqas minn mitt metru mill-perimetru ta’ skola, klabb jew post ieħor fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, kif ukoll li sar riċediv.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija waqqfu lill-imputat fi Triq il-Marsa, il-Marsa u allegatament ipprova jaħrab meta lemaħ lill-uffiċjali. Wara li nqabad, saret tfittxija fil-ġakketta u fil-qalziet fejn instabu numru a’ qratas bid-droga u ammont ta’ flus kontanti.

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima hu wieġeb ħati tal-akkużi u reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu anke wara li l-Qorti tagħtu ċans jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien diġà nstab ħati ta’ pussess ta’ kannabis u kien ġie kkundannat 18-il xahar priġunerija. Qalet ukoll li l-ħabs ma kienx biżżejjed biex iżommu ‘l bogħod mid-droga. 

Il-Maġistrat Grima qalet li se tkun qiegħda tagħti s-sentenza tagħha nhar il-Ħamis li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport