Wara erba’ sigħat kowċ li telaq mill-belt ta’ Shiyan, wasalna fil-belt ta’ Suizhou fil-Provinċja ta’ Hubei, iċ-Ċina, fejn bqajna mid-29 sal-31 ta’ Ottubru 2025. Il-programm li ppreparawlna kien maħsub biex jintroduċina mal-ispazji urbani ta’ din il-belt, mas-siti ta’ wirt storiku u mal-pajsaġġi naturali tal-madwar.

Wara li waqafna nieklu ġewwa ristorant fil-qrib, morna nistrieħu fil-lukanda Suizhou Boruisi International. Miftuħa riċentement, din il-lukanda tispikka għall-kmamar panoramiċi tagħha, id-disinn kontemporanju u r-ristorant fis-sular ta’ fuq nett li joffri veduti sbieħ tal-belt.

Dakinhar wara nofsinhar żorna l-Mużew ta’ Suizhou. Sa mill-ewwel passi li tmidd fih, dan il-mużew tassew jimpressjonak, l-aktar bid-daħla għolja u spazzjuża tiegħu ddominata minn skrin diġitali kbir bi projezzjonijiet tridimensjonali ta’ artefatti ewlenin li kienu jinsabu fil-mużew. Fis-swali stajna napprezzaw l-importanza arkeoloġika ta’ Suizhou permezz ta’ bronżijiet ritwali, oġġetti tal-ġada u repliki tal-qniepen famużi tal-bronż marbuta mal-Istat ta’ Zeng u l-Markiż Yi.

Minn hemm, ivvjaġġajna lejn iż-Żona Panoramika fejn twieled l-Imperatur Yan fil-Kontea ta’ Suixian. Dan is-sit huwa tant estensiv li wieħed jasal minn post għall-ieħor permezz ta’ vetturi żgħar. Fiċ-ċentru ta’ dan is-sit, hemm statwa monumentali tal-Imperatur Yan Shennong, li l-konnessjoni tiegħu mal-agrikoltura u l-mediċina erbali tenfasizza r-rwol fundamentali tiegħu fiċ-ċiviltà Ċiniża.

Filgħaxija rkibna dgħajsa kbira moderna li ħaditna għall-Baiyun Lake Night Cruise fejn stajna naraw spettaklu ta’ drama, mużika, dawl u effetti fuq l-ilma matul vjaġġ ta’ siegħa. Bħala parti mill-avveniment, kien hemm dgħajsa ċkejkna tradizzjonali b’żewġ atturi fuqha li kienu qed jirrakkuntaw parti mill-istorja ta’ Suizhou filwaqt li jsalpaw magħna fuq l-ilma tal-lag.

L-għodwa ta’ wara bdiet bi żjara fin-Naked Home Grand Ginkgo Valley · Suizhou, resort ta’ livell għoli li jinsab f’nofs pajsaġġ naturali. Iddisinjat madwar filosofija ta’ sempliċità u qrubija man-natura, il-post jintegra vilel u djar mal-foresta u mal-lag, u juri kif l-iżvilupp turistiku jista’ jsir f’armonija mal-ambjent.
Aktar tard, esplorajna l-Millennium Ginkgo Valley fir-raħal ta’ Yongxing, li fih mijiet ta’ siġar tal-ginkgo li għandhom aktar minn elf sena kull waħda. Peress li konna fl-istaġun tal-ħarifa, il-weraq tas-siġar kien qed jinbidel f’lewn dehbi.

Minħabba li konna ilna nivvjaġġaw minn post għall-ieħor għal diversi ġranet, dakinhar temmejna l-ġurnata kmieni u soqna direttament lejn l-aħħar lukanda tagħna – Suizhou Zizai Valley Hotel. Din tinsab fiż-Żona Panoramika tal-Muntanja Dahong u hija mogħnija b’ambjent naturali mill-isbaħ li jista’ jitgawda saħansitra mill-kmamar tal-lukanda.
L-għada filgħodu żorna l-Għadira tad-Dragun l-Abjad fid-Distrett ta’ Zengdu, sit marbut ma’ leġġenda lokali assoċjata mal-istudjuż Zheng Xie. Wara komplejna lejn Għar Liangwang fiż-żona ta’ Dahongshan; grotta karstika twila madwar 1,200 metru, imsemmija għal żewġ mexxejja ribelli tad-dinastija Han li jingħad li kienu sabu kenn hemmhekk.

Żjara ppjanata fil-Quċċata tad-Deheb tal-Muntanja Dahong kellha titħassar minħabba li l-ġurnata sebħet bi ċpar qawwi. Hawnhekk, wieħed isib it-Tempju ta’ Ci’en, li huwa sit Buddist importanti u wieħed mill-punti ta’ riferiment ewlenin taż-żona.
Il-mawra li jmiss ħaditna niltaqgħu ma’ numru ta’ aġenti tal-ivvjaġġar lokali minn Suizhou. Iltqajna f’kafetterija żgħira f’pajsaġġ naturali mill-iprem fejn kellna l-opportunità niddiskutu l-iżvilupp tat-turiżmu u kollaborazzjonijiet futuri.

Issa l-programm kien wasal fi tmiemu u għalhekk soqna lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Wuhan Tianhe biex nirritornaw lejn il-pajjiżi rispettivi tagħna. Il-vjaġġ spikka għall-organizzazzjoni bir-reqqa u l-appoġġ kostanti tat-tim lokali, li l-preżenza tiegħu żgurat li kull żjara mxiet bla xkiel, u li ħalla fija xewqa qawwija li nerġa’ nżur iċ-Ċina.
Din iż-żjara ġiet organizzata u sponsorjata mill-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iċ-Ċentru Ċiniż għall-Iskambju Kulturali u t-Turiżmu Internazzjonali, id-Dipartiment Provinċjali tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Hubei, u l-Uffiċċji tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Shiyan u Suizhou.

