Friday, November 22, 2024

Suldat Amerikan arrestat fil-Korea ta’ Fuq għax qasam il-fruntiera bla permess

Aqra wkoll

Suldat Amerikan ġie arrestat u miżmum mill-Korea ta’ Fuq wara li qasam mingħajr permess il-fruntiera fiż-żona demilitarizzata. Is-suldat kien fuq mawra organizzata fiż-żona mmexxija min-NU li tifred iż-żewġ pajjiżi.

L-arrest tas-suldat ħoloq kriżi fi żmien partikolarment ta’ tensjoni, bejn il-Punent u l-Korea ta’ Fuq li huwa wieħed mill-aktar stati iżolati tad-dinja.

L-Ammiral John Aquilino, Kmandant tal-Kmand tal-Indo-Paċifiku Amerikan, qal li ma kien hemm l-ebda kuntatt li s-suldat kien aġixxa minn jeddu u mingħajr awtorizzazzjoni.

Sigħat wara l-arrest tas-suldat, il-Korea ta’ Fuq sparat żewġ missili ballistiċi suspettati fil-baħar fil-qrib. L-aħbar tal-isparar tal-missilli ġiet ikkonfermata mill-militar tal-Korea t’Isfel, hekk kif it-tensjoni qed tisħon iktar fil-peniżola Koreana. S’issa ma kien hemm l-ebda suġġeriment li l-affari tal-missili hija marbuta maż-żamma u l-arrerst tas-suldat Amerika. Mhux ċar lanqas jekk dan ħarabx lejn il-Korea ta’ Fuq.

Il-Pentagon Amerikan identifika lis-suldat bħala Private Second Class (PV2) Travis King. Fi stqarrija, kelliem tal-Pentagon qal li PV2 King kien ilu fl-armata Amerikana minn Jannar 2021.

Huwa ‘scout tal-kavallerija’ u speċjalista tat-tkixxif, oriġinarjament assenjat mad-Diviżjoni tal-armata fuq rotazzjoni mal-militar Amerikan fil-Korea t’Isfel.
L-Associated Press tirrapporta li PV2 King jidher li kien qed jiffaċċja azzjoni dixxiplinarja wara li nżamm fil-Korea t’Isfel fuq akkużi ta’ assalt fuq persuna oħra.

Skont is-CBS News, PV2 King kellu jintbgħat lura lejn l-Istati Uniti tant li għadda mis-sigurtà tal-ajruport f’Seoul iżda b’xi mod irnexxielu jerġa’ joħroġ mit-terminal. Dan aktarx li għamlu sabiex jingħaqad f’mawra tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi tal-Korea.

Il-Kmandant tan-Nazzjonijiet Uniti, li jopera ż-Żona Demilitarizzata u ż-Żona tas-Sigurtà Konġunta (JSA), qal li aktar kmieni t-tim tiegħu għamel kuntatt mal-militar tal-Korea ta’ Fuq biex jipprova jinnegozja l-ħelsien tas-suldat: “Aħna nemmnu li bħalissa jinsab fil-kustodja tar-RDPK u qed issir ħidma biex dan l-inċident jiġi solvut”. Mandankollu għadu mhux ċar fejn jew f’liema kundizzjonijiet qed jinżamm PV2 King.

Greg Scarlatoiu, Direttur Eżekuttiv tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Korea ta’ Fuq ibbażat f’Washington DC, qal lill-BBC li l-awtoritajiet tal-Korea ta’ Fuq x’aktarx jippruvaw jiksbu l-informazzjoni mis-suldat dwar is-servizz militari tiegħu u jippruvaw jagħmlu minnu għodda ta’ propaganda.

Iż-Żona Demilitarizzata (DMZ) tifred pajjiżi Koreani u hija waħda miż-żoni l-aktar fortifikati fid-dinja. Hija mimlija mini tal-art, imdawra bi ċnut tal-elettriku u barbed wire u kameras ta’ sorveljanza. Gwardjani armati fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera jkunu fuq alert 24 siegħa kuljum.

Sport