Saturday, December 21, 2024

Suldat Russu weħel għomru l-ħabs fuq krimini ta’ gwerra

Aqra wkoll

Vadim Shishimarin, suldat Russu li għandu 21 sena, weħel għomru l-ħabs minħabba li spara b’rifle fuq persuna Ukrena li ma kinitx armata u saħansitra spiċċa qatilha.

Vadim qabel ma seħħ ir-reat kien qed jaħrab mill-villaġġ ta’ Chupakhivka flimkien ma’ erba’ suldati oħra, wara li dawn kienu fil-mira tal-forzi Ukreni fit-28 ta’ Frar li għadda.

Il-vittma, Oleksandr Shelipov, Ukren ta’ 62 sena, kien miexi fit-triq għall-affari tiegħu. Huwa ntlaqat minn tir f’rasu u miet fuq il-post fejn seħħ ir-reat — ftit metri biss ’il bogħod mid-dar tiegħu. Dan skont ma ntqal mill-prosekuturi tal-każ.

Vadim meta ttella’ l-qorti l-ġimgħa l-oħra ammetta li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih (il-qtil tal-Ukren), però huwa argumenta illi spara lill-Ukren fuq ordni li ngħata. Illum, il-qorti m’aċċettatx l-istqarrija ta’ Vadim rigward li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li joqtol lil Shelipov. Għaldaqstant huwa ġie kkundannat għomru l-ħabs.

Il-ġimgħa li għaddiet Vadim ammetta li huwa ħati ta’ krimini ta’ gwerra u qtil premeditat. Però huwa insista li beża’ illi l-vittma — li kien qiegħed fuq il-linja ma’ xi ħadd qabel ma seħħ il-każ — kien qed jiżvela xi informazzjoni mal-forzi Ukreni dwar il-lokazzjoni tagħhom.

Minn meta bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna ‘l hawn, Vadim huwa l-ewwel persuna li ttella’ l-qorti u weħel sentenza ta’ ħabs relatata mal-krimini ta’ gwerra.

Ekonomija

Sport