Wednesday, December 25, 2024

SULDATI BLA UNIFORMI B’QALB TĦABBAT GĦAL-LIBERTÀ

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat kompliet l-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna, kunflitt li għalkemm kien mistenni, żgur li ma kienx previst il-mod kif żviluppa sa issa. Xhieda ta’ dan kienet ir-reżistenza li ffaċċjaw it-truppi Russi u l-imwiet ta’ suldati li ġarrbu l-istess Russi kawża tar-reżistenza li ffaċċjaw.

Ħafna qegħdin jikkritikaw lill-President Ukren Volodymyr Zelensky għall-ebusija ta’ rasu u l-fatt li ma ċediex għall-offerta tal-President Russu Vladimir Putin li offrielu li jwaqqaf l-attakki jekk kemm il darba l-Ukrajna ċċedi. Inqas minn erba’ snin ilu Zelensky kien wieħed mill-aktar kummidjanti rinomati fuq it-televiżjoni, iżda fl-aħħar sigħat huwa kellu jbiddel ferm l-atteġjament tiegħu. Infatti f’filmati li beda jxerred online, liebes ilbies tal-gwerra, il-President Ukren qal li mhuwiex minnu dak li beda jiċċirkola fil-midja dwar il-fatt li l-Ukrajna kienet se ċċedi għall-pressjoni tal-ewwel sigħat ta’ invażjoni. Huwa sostna li hu jinsab hemm u li mhuwiex lest li jċedi b’dan il-mod anzi se jara li jibqa’ jiġġieled biex jiddefendi l-istat tiegħu.

Nemmnu li s-saħħa ta’ din ir-resistenza kienet il-qalb ta’ poplu Ukren li minkejja li qiegħed jaffaċċja qawwa deskritta mill-bqija tad-dinja bħala invinċibbli, mhux qiegħed iżomm lura milli jiddefendi artu.

Din il-qlubija qiegħda tispikka fl-aħbarijiet u hekk ġara fil-każ ta’ Vitaly Skakun Volodymyrovych. Għalkemm ta’ swied il-qalb, il-motivazzjoni ta’ poplu żvantaġġjat li lest li jagħmel minn kollox biex jisraq mill-vantaġġ tal-għadu. Vitaly kien suldat fl-aħjar ta’ ħajtu li waqt li kien qiegħed ipoġġi xi splussiv mal-pont li jgħaqqad ir-reġjun tal-Krimea mal-Ukrajna, intebaħ li ma kellux ċans jirtira minħabba li t-truppi Russi kienu wisq viċin. Bl-aktar mod qalbieni, Vitaly isellem lil sħabu b’kuntatt radjofoniku u jisplodi lilu nnifsu biex jeqred il-pont u konsegwentament jirbaħ il-ħin minħabba li t-truppi Russi kellhom jieħdu rotta ferm itwal biex jattakkaw.

Lil hinn mill-ħafna suldati, l-Ukreni inġenerali mhumiex beżagħna li jiddefendu pajjiżhom u wara li Putin ma żammx kelmtu li ma jattakkax liċ-ċittadini, dawn tal-aħħar ħraxu biex jiddefendu. Spikkat il-mara li marret fuq suldat Russu u filwaqt li staqsietu x’kienu qegħdin jagħmlu f’arthom, stednitu jżomm fil-but żerriegħa tal-ġirasol biex meta jmut f’pajjiżhom tinbet xi ħaġa sabiħa mill-kruha ta’ din il-gwerra.

Fil-kapitali Ukrena saret xena pjuttost komuni li rġiel u nisa joħorġu fit-toroq lebsin jeans u slipper iżda bl-armi f’idejhom. Bdiewa u burdnara qegħdin jipparkjaw il-vetturi tagħhom f’angoli strateġiċi sabiex jimblukkaw l-aċċess ta’ kwalunkwe attakk minn fuq l-art. 

Fi bliet oħra, ħaddieda kienu impenjati ferm biex jaħdmu strutturi li jistgħu jgħinu lill-pajjiż fid-difiża. 

Oħrajn li jaħdmu fil-fabbriki tal-ħjata telqu kollox minn idejhom biex jgħinu fil-produzzjoni tal-ixkejjer tar-ramel li qegħdin jintużaw mid-difiża Ukrena.

Minkejja dan kollu hemm dawk li qegħdin ibatu mgeddsin fis-silenzju fi stazzjonijiet taħt l-art u ħafna oħrajn li qegħdin joħolqu kaos f’tentattiv li jaħarbu minn dan kollu għal ħajja aħjar. Iżda x’aktarx dawk ta’ qabel qegħdin jimxu mat-taħbita ta’ dik il-qalb tat-trabi li twieldu lil hinn mill-kumdità ta’ darhom, twieldu fil-kesħa u kellhom anke jiġu separati mill-ġenituri biex jittieħdu f’post sigur. U qalbhom beħsiebha tibqa’ tħabbat lejn dak il-jum li din il-gwerra min jaf, forsi tiddevja minn dak previst u tinkiseb il-libertà li tant qegħdin jaħdmu għaliha.

Ekonomija

Sport