Grupp ta’ uffiċjali militari ħatfu u ħadu f’idejhom il-kontroll tal-Guinea-Bissau fost rapporti li l-president tal-pajjiż, Umaro Sissoco Embaló, ġie arrestat. Ftit wara li nstemgħu tiri ta’ arma tan-nar fil-kapitali, Bissau, b’sorsi tal-gvern jikkonfermaw li Embaló kien ġie arrestat.
Ftit ħin wara, l-uffiċjali militari dehru fuq it-TV tal-istat biex jgħidu li kienu ssospendew il-proċess elettorali, hekk kif dan il-pajjiż tal-Afrika tal-Punent kien qed jistenna r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali li saret il-Ħadd li għadda.
Qalu li kienu qed jaġixxu biex irażżnu pjan minn politiċi mhux imsemmija li kellhom l-appoġġ ta’ baruni tad-droga magħruf biex jiddestabbilizzaw il-pajjiż, u ħabbru l-għeluq tal-fruntieri kollha tal-pajjiż fl-istess waqt imponew curfew billejl.
Ir-riżultati tal-elezzjoni kienu mistennija lbieraħ u kemm il-president Embaló kif ukoll l-eqreb rivali tiegħu Fernando Dias kienu ddikjaraw rebħa.
Fi stqarrija konġunta, il-mexxejja tal-missjonijiet mill-Unjoni Afrikana u l-blokk tal-Afrika tal-Punent Ecowas li kienu qed josservaw l-elezzjoni esprimew tħassib kbir bit-tħabbira ta’ kolp ta’ stat mill-forzi armati.
Qalu li l-pajjiż kien ippreparat għat-tħabbira tar-riżultati tal-elezzjoni wara dak li ddeskrivew bħala proċess “ordinat u paċifiku”.
Storikament, Embaló kien irnexxielu jibqa ħaj wara diversi attentati ta’ kolp ta’ stat kontrieħ matul iż-żmien tiegħu fil-kariga ta’ president. Madankollu, il-kritiċi tiegħu jallegaw li vvinta kriżijiet sabiex irażżan id-dissens.
Ta’ 53 sena, huwa ried li jitniżżel fl-istorja bħala l-uniku president tal-pajjiż li kiseb it-tieni mandat konsekuttiv fl-aħħar 30 sena, anki jekk inizjalment kien qal li mhux se jfittex it-tieni mandat.
Qabel l-elezzjonijiet imdewma, il-leġittimità tiegħu kienet ġiet ikkontestata, bl-oppożizzjoni tgħid li l-mandat tiegħu kellu jintemm uffiċjalment fi Frar 2025.
Il-pajjiż tal-Guinea-Bissau jinsab bejn is-Senegal u l-Guinea, suxxettibbli għall-kolpi ta’ stat u huwa magħruf bħala ċentru magħruf għat-traffikar tad-droga fejn il-militar kien influwenti minn mindu kiseb l-indipendenza mill-Portugall fl-1974.
Huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja b’popolazzjoni ta’ aktar minn żewġ miljun ruħ. Il-kosta tiegħu għandha ħafna gżejjer diżabitati, u dan jagħmilha ideali għat-traffikanti tad-droga tant li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjaratu “stat-narkotiku” peress li kien punt ewlieni ta’ tranżitu għall-kokaina mill-Amerika Latina lejn l-Ewropa.


