Saturday, November 23, 2024

Suldati jitolbu lill-Qorti tieħu passi fir-rigward ta’ reklam “qarrieq” f’The Times

Aqra wkoll

Permezz ta’ nota ppreżentata dalgħodu fl-atti tal-inkjesta preseduta mill-Maġistrat Dr Joseph Mifsud dwar rapport li sar mill-NGO Repubblika dwar l-allegat qtil volontarju ta’ persuni fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta, il-membri tal-ekwipaġġ P52 talbu lill-Qorti biex tieħu dawk il-proċeduri li jidhrilha xierqa fir-rigward ta’ reklam deskritt bħala “qarrieq u bla bażi” ippubblikat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta. 

In-nota ġiet ippreżentata mill-Avukat Herman Mula, li tqabbad mit-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi tal-GWU biex jiddefendi lill-uffiċjali u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu assenjati fuq il-patrol boat P52.

Waqt li fir-reklam, li deher f’paġna 7 ta’ The Times, jirrepetu l-allegazzjonijiet illi saru fir-rigward ta’ dan il-każ li qed jiġi investigat, l-NGO Ġermaniża Space-Eye tagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet biex jiġu identifikati dawk li skont huma kienu responsabbli tal-allegat qtil ta’ persuni.

Fin-nota li ressqu dalgħodu, is-suldati qed isostnu li dan ir-reklam fih allegazzjonijiet għalkollox infondati u li l-ippubblikar tal-kontenut li fih dan ir-reklam b’dettalji li huma totalment inveritieri, fl-opinjoni tagħhom, jistgħu jinfluwenzaw u jfixklu l-opinjoni pubblika fuq il-ħidma tal-inkjesta biex tiġi finalment stabbilita l-verità.

Waqt li qalu li jifhmu li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa dritt fundamentali sanċit mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kostituzzjoni ta’ Malta, sostnew li tali dritt għandu jiġi eżerċitat f’bilanċ mal-etika ġurnalistika. 

Qalu li minn dak li ħareġ fid-dominju pubbliku fuq dan il-każ, il-ġurnal kellu informazzjoni biżżejjed biex jirrealizza li l-informazzjoni miktuba fuq dan ir-reklam hija għalkollox “qarrieqa u bla bażi.” 

Żiedu jgħidu li l-ippubblikar ta’ dan ir-reklam ma jesprimix bilanċ ekwu bejn il-libertà tal-espressjoni u l-etika ġurnalistika speċjalment meta wieħed iqis li l-istess inkjesta għadha ma ġietx konkluża. 

Għaldaqstant huma talbu lill-Qorti biex tieħu nota ta’ dan ir-reklam u tieħu dawk il-proċedimenti kollha li tqis neċessarji f’dawn iċ-ċirkostanzi. 

In-nota kienet iffirmata mill-Avukat Herman Mula.

Sport