Saturday, October 26, 2024

Suldati taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti jinqatlu fir-Repubblika Ċentrali Afrikana jiem qabel l-elezzjoni ġenerali

Aqra wkoll

Tliet suldati taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti nqatlu minn ġellieda mhux identifikati fir-Repubblika Ċentrali Afrikana. Dan kien ikkonfermat min-Nazzjonijiet Uniti hekk kif il-pajjiż qed jipprepara għall-iżvolġiment ta’ elezzjoni ġenerali fost ġlied bejn ir-ribelli u l-qawwiet tal-gvern.

L-aħbar waslet wara li koalizzjoni ta’ ribelli qalet li mhux se tibqa’ tosserva ftehim ta’ wqfien mill-ġlied u li se tkompli tavvanza fuq il-kapitali wara l-wasla fil-pajjiż ta’ truppi mir-Russja u r-Rwanda.

L-attakki fuq is-suldati taż-żamma tal-paċi seħħew f’Dekoa u Bakouma.

Stephane Dujarric, kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres, ikkundanna bl-aħrax dawn l-attakki u appella lill-awtoritajiet tal-pajjiż Afrikan biex jivestiga l-attakki “faħxija”.

Huwa żied iwissi li “attakki fil-konfront ta’ suldati taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti jaf jikkostitwixxi reat tal-gwerra”.

Fil-jiem qabel l-elezzjoni, il-President Faustin Archange Touadera akkuża lill-predeċessur tiegħu Francois Bozize li qed jippjana kolp ta’ stat.

Bozize li jinsab taħt sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u huwa pprojbit milli jikkontesta l-elezzjoni, ċaħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Sport