Saturday, December 21, 2024

SUMMIT IMPORTANTI TAL-OSCE F’MALTA

Aqra wkoll

Bejn illum u għada pajjiżna se jospita l-31 laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Din se tkun waħda mill-akbar konferenzi ministerjali li qatt saret f’Malta, bil-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ 57 stat parteċipant tal-OSCE se jkunu qegħdin jiddiskutu sfidi importanti dwar is-sigurtà reġjonali kif ukoll deċiżjonijiet organizzattivi li jeħtieġu jittieħdu.

Ma jistax jonqos ukoll li fuq nett tal-aġenda jkun hemm il-gwerra tar-Russja u l-Ukrajna, biż-żewġ nazzjonijiet ikunu fost l-istati madwar il-mejda tad-diskussjoni. 

L-importanza ta’ din il-laqgħa storika toħroġ ukoll mill-fatt li Malta bħalissa għandha l-presidenza tal-OSCE. Fil-fehma tagħna din hija turija ta’ kemm pajjiżna huwa stmat bħala aġent kredibbli tal-paċi u d-djalogu filwaqt li se tkompli tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-isfera tar-relazzjonijiet internazzjonali. Din il-laqgħa hija wkoll il-qofol ta’ sena ta’ ħidma bla heda minn Malta li kompliet tkattar ir-reżiljenza ta’ din l-organizzazzjoni.

Malta bdiet it-12-il xahar ta’ Presidenza tal-OSCE f’Jannar li għadda, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà,” wara li ġiet eletta b’mod unanimu biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha f’Novembru tal-2023.

Għalhekk, wieħed irid iqis ukoll il-kuntest li fih se tkun qiegħda ssir din il-laqgħa, fi żmien diffiċli u perikoluż għall-paċi fl-Ewropa u anke fir-reġjuni viċini minħabba l-kunflitti u l-gwerer li għadhom għaddejjin, partikularment il-kunflitt f’Gaża, li għadu predominanti fil-Lvant Nofsani u jeħtieġ li jibqa’ jkun hemm vuċi waħda u soda favur il-paċi u waqfien mill-ġlied b’mod permanenti.

Għal din il-laqgħa hekk importanti kkonfermaw l-attendenza tagħhom kemm il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov u anki s-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken. Il-preżenza ta’ Lavrov iżda wasslet biex il-pajjiżi Baltiċi tal-Estonja u l-Litwanja, ma jibagħtux il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tagħhom imma delegazzjoni ta’ inqas importanza. 

Minkejja dan, il-valur ta’ din il-laqgħa żgur se jibqa’ wieħed sinifikanti mhux biss għall-Ewropa imma wkoll għar-reġjun tal-Mediterran. Dan għax il-prinċipju għadu jgħodd illi ma jistax ikun hemm sigurtà u prosperità fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà u sliem fir-reġjun tal-Mediterran. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport