Saturday, December 21, 2024

Super Moana

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Box Office

Il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra, l-Amerikani ċċelebraw Thangsgiving.  Apparti l-ikla tradizzjonali bejn il-membri tal-familja, l-Amerikani jħobbu jmorru jaraw film.  Minn din it-tradizzjoni gawda mmens il-film animat “Moana 2”.  Bejn il-Ħamis u l-Ħadd, dan il-film tad-Disney kellu dħul super-fonominali ta’ $221 miljun.

B’hekk kiser bil-kbir kull record, inkluż dak ta’ “Frozen II” li fl-2019, kellu dħul ta’ $125 miljun fuq l-istess ħamest ijiem.  Anke fil-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri, “Moana 2” qed jikseb suċċess u kellu dħul ta’ $165 miljun oħra.

Thanksgiving ta’ din is-sena ssarraf f’bonanza għas-sidien tat-teatri Amerikani.  “Wicked” kompla sejjer tajjeb b’dħul ta’ $118-il oħra f’dawk il-ħamest ijiem.  “Gladiator II” ukoll kompla jiġbed in-nies b’dħul ta’ $44 miljun.  Sa issa d-dħul globali tal-film ta’ Ridley Scott hu ta’ $320 miljun mit-teatri biss.  Il-Paramount diġa poġġew “Gladiator II” fuq video-on-demand u allura id-dħul hu akbar. 

Fir-raba’ u fil-ħames post tal-box office Amerikana, wieħed isib żewġ films b’storja marbuta maż-żmien il-Milied: “Red One” u “The Best Christmas Pageant Ever” 

Moana 2

Tmien snin ilu kien ħareġ “Moana” li kiseb suċċess akbar milli kien mistenni.  Għalhekk kien naturali għall-kumpanija Disney li tkompli din l-istorja.

F’dan is-sequel, in-narrattiva teħodna tliet snin wara dik tal-ewwel film.  Il-protagonista Moana hi t-tifla kurjuża taċ-chief Tui u martu Sina.  Moana taslilha sejħa mingħand l-antennati tagħha.  Hi tiġbor madwarha ekwipaġġ li jinkludi lil Maui.  Flimkien jibdew vjaġġ lejn l-ibħra imbegħda sabiex itemmu darba għal dejjem is-saħta li alla Nalo kien għamel fuq il-gżira moħbija ta’ Motufetu.

Id-direzzjoni din id-darba hi f’idejn David G. Derrick Jr., mgħejjun minn Jason Hand u Dana Ledoux Miller.

Auli’i Cravalho terġa tislef il-vuċi tagħha għall-karattru ta’ Moana.  Dwayne Johnson jirritorna biex jagħti ħajja lil Maui. 

“Moana 2” hu kklassifikat PG minħabba xi xeni fejn ikun hemm theddid.

Red One

Dan il-Milied, Dwayne Johnson għandu missjoni delikata bħala l-bodyguard personali ta’ Santa Klaws. Callum Drift (Johnson), irid isib lill-boss tiegħu meta jinħataf ftit jiem qabel lejliet il-Milied.  

Minħabba f’hekk, konfużjoni sħiħa tibda tirrenja fin-North Pole.  Minħabba li din il-missjoni ma setax jagħmilha waħdu, Callum ma jkollux triq oħra ħlief li jirrikluta lil Jake O’Malley (Chris Evans).  Dan ikun wieħed li jilgħab bla skrupli fuq l-isports, iddivorzjat imma hacker mill-kbar.

Il-karattri ta’ Callum u ta’ Jake ikunu opposti għal xulxin.  

J.K. Simmons jidher fil-parti ta’ Santa Klaws, magħruf ukoll bħala Red One bl-operazzjoni tiegħu qisha waħda militari.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Jake Kasdan, “Red One” huwa film passabbli b’mumenti divertenti.

“Red One” hu kklassifikat 12A minħabba xeni ta’ vjolenza moderata.

Beatles ’64

Id-dokumentarju “Beatles ‘64” li bħala producer għandu lil Martin Scorsese, jurina il-laqgħa li kellu dan il-grupp fenominali meta żaru l-Istati Uniti għall-ewwel darba 60 sena ilu.

Maħum taħt id-direzzjoni ta’ David Tedeschi, il-mawra ta’ The Beatles damet tliet ġimgħat.  F’New York ħadu sehem f’“The Ed Sullivan Show”.  Wara qabbdu l-ferrovija u marru Washington, D.C., fejn taw kunċert f’Washington Coliseum.  Il-mawra kompliet f’Miami Beach, fejn kellhom it-tieni dehra fil-programm popolari ta’ “Ed Sullivan”.  Il-laqgħa kbira tal-ammiraturi tagħhom mhix nieqsa.

Dan id-dokumentarju jinkludi ħafna mill-footage li kien inġibed minn David u Albert Maysles.  Dawn il-filmati kienu dehru fid-dokumentarju tal-1964, “What’s Happening! The Beatles in the U.S.A.”.  Imma dan id-dokumentarju ġdid “Beatles ’64” jinkludi 17-il minuta li ma ntwerewx qabel.  L-aħwa Maysles kienu segwew The Beatles waqt iż-żjara kollha u b’kollox ġibdu mal-11-il siegħa ta’ film fuq is-16mm,  Dawn il-filmati issa ġew restawrati.  Tant ġew restawrati tajjeb minn WingNut Studios ta’ Peter Jackson, li ċertu xeni ikoniċi jidhru qishom inġibdu riċenti.

L-erba’ membri tal-grupp The Beatles kienu mużiċisti eċċellenti imma kienu wkoll nies ferriħija.  Dan jidher u jinħass f’dan id-dokumentarju.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport