Aktar minn 5,000 persuna ffirmaw petizzjoni li tappella lill-Korp tal-Pulizija biex ma jieħu l-ebda azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tal-kuntistabbli tal-Pulizija mara li filmat tagħha tiżfen waqt li kienet bl-uniformi tal-Pulizija spiċċa virali fuq l-internet.
Il-petizzjoni tgħid li l-għan tal-ġest tal-kuntistabbli Francesca Zahra kien li “jferraħ in-nies”.
Il-filmat ta’ Francesca feġġ l-ewwel fuq il-pjattaforma soċjali Tik Tok, madankollu dan kompla jinfirex b’rata mgħaġġla ħafna fuq apps oħrajn. Il-filmat beda jintuża wkoll biex jattakkaw lill-Pulizija, wara li fuq il-Fosos tal-Floriana nġabru diversi partitarji tat-tim ta’ Floriana FC biex jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat Premier.