Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li se jsiru żewġ sessjonijiet edukattivi mmirati lejn ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel primarji f’Għawdex, bil-għan li jipprovdu għarfien u gwida dwar l-użu tat-teknoloġija u l-midja soċjali fit-trobbija tat-tfal.
Il-Ministru Camilleri stqarr li, “F’dinja dejjem aktar diġitali, huwa essenzjali li l-ġenituri jingħataw l-għodod u l-għarfien meħtieġa biex jiggwidaw lil uliedhom b’mod responsabbli. Dawn is-sessjonijiet jirrappreżentaw pass importanti biex jiġu indirizzati r-realtajiet ġodda li qed jaffaċċjaw il-familji, filwaqt li jiġi promoss bilanċ b’saħħtu bejn it-teknoloġija u l-iżvilupp tat-tfal.”
Dawn is-sessjonijiet qed jiġu organizzati b’kollaborazzjoni mal-inizjattiva Smartphone Free Childhood Gozo (SFC Gozo), grupp ta’ ġenituri minn Għawdex li ngħaqdu bil-għan li jappoġġjaw lil xulxin fl-isfidi tal-era diġitali. L-għan ewlieni tal-grupp huwa li jħeġġeġ lill-ġenituri jinfurmaw ruħhom u jippreparaw lit-tfal tagħhom qabel ma dawn jingħataw smartphones personali jew jiġu esposti għall-midja soċjali.
Waħda mill-Fundaturi ta’ Smartphone Free Childhood Gozo Elaine Pavia Grima spjegat li l-grupp qed jippromwovi edukazzjoni bikrija dwar l-effetti negattivi u r-riskji tal-użu mhux ikkontrollat tat-teknoloġija. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-ġenituri jaqsmu esperjenzi, ideat u soluzzjonijiet, filwaqt li jorganizzaw attivitajiet u sessjonijiet edukattivi biex iqajmu aktar għarfien.
Smartphone Free Childhood Gozo beda minn grupp żgħir ta’ sitt ġenituri f’Jannar tas-sena li għaddiet u kiber b’mod sostanzjali, imqanqal minn esperjenzi ta’ ġenituri oħra u rakkomandazzjonijiet minn riċerka internazzjonali li tissuġġerixxi li l-introduzzjoni ta’ smartphones għandha tiġi posposta kemm jista’ jkun. L-inizjattiva tfittex ukoll li tnaqqas il-pressjoni soċjali kemm fuq il-ġenituri kif ukoll fuq it-tfal.
Is-sessjonijiet, bit-tema “Supporting Parents in the New Digital Era”, se jindirizzaw diversi suġġetti relatati mal-iżvilupp tat-tfal u t-teknoloġija, inkluż kif l-użu eċċessiv tal-apparat elettroniku jista’ jaffettwa l-iżvilupp tal-moħħ tat-tfal, kif jaħdem u jiffunzjona l-moħħ, u kif il-ġenituri jistgħu jintroduċu bilanċ fl-użu tal-iskrins u jifhmu aħjar id-differenza bejn it-teknoloġija u l-midja soċjali. Dawn se jitmexxew minn Dr Erika Galea, newroxjentista, li se taqsam l-għarfien u l-esperjenza tagħha fil-qasam, filwaqt li tipprovdi pariri prattiċi lill-ġenituri.
Dawn se jsiru l-Erbgħa 15 ta’ April u s-Sibt 18 ta’ April, bejn id-9:00am u l-11:30am, fis-Sala tal-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca, ir-Rabat, Għawdex. Is-sessjoni tas-Sibt se tkun ripetizzjoni tal-istess kontenut sabiex il-ġenituri jkollhom aktar flessibbiltà biex jattendu.
Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u miftuħa għall-ġenituri kollha ta’ tfal li jattendu skejjel primarji, kemm tal-istat kif ukoll tal-knisja. Il-ġenituri huma mħeġġa jirreġistraw minn qabel fuq https://wkf.ms/4s4O7tG. Dawk li jattendu se jingħataw kopja bla ħlas tal-ktieb “The Amazing Generation”.

