179 – Malli tara dawn it-tliet numri, tinduna li huma familjari, forsi mir-reklami u l-promozzjoni li ngħataw fl-aħħar xhur u snin. Iżda mhux kulħadd jaf ma’ xiex huma abbinati u kemm jistgħu jkunu utli għal ħajjitna.
Martina Sammut Testa, manager tas-Servizz Supportline 179, tispjegalna f’aktar dettal dwar dan kollu. Tgħidilna li s-Supportline 179 jista’ jkun il-bidu ta’ triq li bih tirċievi l-għajnuna li għandek bżonn u tibdel ħajtek għall-aħjar, ’il bogħod minn kull periklu.
“Xi ħadd jimpurtah, m’intix waħdek, int importanti,” tgħidilna Martina hekk kif l-uffiċċju tal-Marketing u l-Komunikazzjoni fi ħdan l-FSWS iltaqa’ magħha u tkellem dwar dan is-servizz.
“Jekk bħalissa qed taqra u qed taffaċja diffikultà soċjali, jekk forsi qed tħossok mitluf u bla tama, jew qed iġġorr wisq fuq spallejk, tagħmilx dan waħdek. Ċempel 179 jew kellimna fuq iċ-chat billi tidħol fuq is-sit elettroniku tal-paġna uffiċjali tal-FSWS,” tispjega Martina.
Tkompli tgħidilna li persuna tista’ jagħmel użu minn dan is-servizz u ma tagħtix informazzjoni personali, fejn tibqa’ anonima u ma tagħtix isimha.
“Tant kemm hu ta’ serħan il-moħħ għal kulħadd li fl-2024 kellna ’l fuq minn 11,000 telefonata ġenwina,” qalet is-Sinjura Sammut Testa.
In-numri huma allarmanti u xokkanti, li iżda jirreflettu l-ħajja li qed ngħixu llum, għalkemm ċertament mhux f’Malta biss. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li tinħoloq anki chat li l-pubbliku se jkun jista’ jibda juża fl-aħħar ta’ Settembru.
“Il-pubbliku se jkollu l-possibilità li jitlob l-għajnuna u jitkellem dirett ma’ professjonisti permezz taċ-chat. Issa li llum-il ġurnata t-tekonoloġija hija aktar aċċessibli u minħabba li aħna aktar konxji li hemm persuni li jħossuhom aktar komdi jikkomunikaw bil-kitba permezz ta’ chat, inħass il-bżonn li dan il-metodu ta’ komunikazzjoni jsir possibbli, tgħid Martina.
Għall-ewwel ftit ġimgħat, iċ-chat se tkun aċċessibbli tliet darbiet fil-ġimgħa; l-Erbgħa bejn it-8.00pm u l-11.00pm, il-Ġimgħa bejn id-9.00am u n’12.00pm u s-Sibt bejn it-8.00pm u l-11.00pm.
Ma’ Martina tkellimna wkoll dwar taħt liema ċirkostanzi persuna tista’ tuża dawn is-servizzi tas-Supportline 179, kemm b’kuntatt telefoniku u kemm permezz ta’ din iċ-chat ġdida.
“Kollox jista’ jintuża minn kulħadd: tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani u dan għal kull diffikultà ta’ natura soċjali li jkunu għaddejjin minnha. Persuna tista’ tagħmel kuntatt magħna biex issib lil xi ħadd li jismagħha mingħajr ma tkun iġġudikata. Aktar minn hekk tiġi ggwidata u tingħata informazzjoni skont il-bżonn tagħha,” tgħid Martina.
Mhux hekk biss…
“Jekk persuna tħossha waħedha u għaddejja minn solitudni, tista’ tagħmel kuntatt magħna anke biex ikollha ftit kumpanija u fl-istess ħin nippruvaw nħeġġuha u nagħtu informazzjoni ta’ servizzi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju biex persuna ma tibqax tħossha waħidha,” kompliet tgħidilna.
Is-servizz tas-Supportline 179 beda fl-1996 u ilu jiġi offrut għal dawn l-aħħar 29 sena. Fil-bidu kienet linja ta’ għajnuna dedikata lill-vittmi tal-vjolenza domestika u t-tfal li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ abbuż, iżda maż-żmien din il-linja nfetħet għal kull tip ta’ diffikultà soċjali.
“Maż-żmien, il-linja tas-Supportline 179 żviluppat bħala l-linja nazzjonali ta’ Malta li toffri appoġġ fuq diffikultajiet soċjali differenti. Maż żmien, il-ħin ta’ dan is-servizz ġie estiż għax inħass il-bżonn li jkun hawn servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum,” qalet Martina.
Il-manager tas-servizz, Martina Sammut Testa, rringrazzjat lill-voluntiera li matul is-snin ħadmu biex is-Supportline 179, seta’ jinbena u jkun wieħed stabbilit mal-pajjiż li joffri ġid biss u jkun ta’ għajnuna għal dawk li jiġu bżonnu.
“Nirringrazzja lill-voluntiera kollha li tul is-snin taw is-servizz tagħhom. Illum il-ġurnata fis-Supportline hemm operaturi mħarrġa professjonalment u li jaħdmu bħala full timers. Tul dawn is-snin sar ħafna tibdil, fejn il-linja ta’ Supportline 179 kompliet tiżviluppa skont il-ħtieġa tas-soċjetà”, ittemm tgħid Martina Sammut Testa.