Waqt il-btala pubblika ta’ Santa Marija fil-ħamsa ta’ filgħaxija, fir-riżerva tal-Aħrax tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), ġew irrappurtati nirien f’erba’ żoni ta’ msaġar differenti fl-istess mument.
Membri voluntiera mis-Sotto Kumitat tal-Mellieħa fi ħdan l-FKNK intervjenew b’mod immedjat fejn sussegwentement komplew bil-kontrolli tan-nirien flimkien mal-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili. Fuq il-post kien hemm ukoll il-preżenza tal-uffiċjali tal-ERA kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija.
Huwa suspettat li dawn in-nirien, speċjalment għall-mod ta’ kif seħħew f’waqt wieħed f’erba’ postijiet differenti, huma riżultat ta’ atti vandali. Għaldaqstant, l-FKNK qalet li mhux eskluż li din kienet azzjoni kodarda li għamlet ħsara lill-ambjent naturali tal-post, u issa jittieħdu bosta snin biex dan l-abitat jerġa’ jiġi riġenerat.
L-FKNK irringrazzjat lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili għas-servizz u l-għajnuna tagħhom, kif ukoll lill-membri voluntiera tas-Sotto Kumitat GħKNK Mellieħa. Fil-jiem li ġejjin, l-FKNK, flimkien mal-Awtoritajiet konċernati, se tkun qiegħda tikkordina pjan għar-riġenerazzjoni tal-abitat li nħaraq.
L-FKNK appellat lil kull min għandu xi informazzjoni relatata mal-każ, biex minnufih jinforma lill-Pulizija fuq 2122 4001.