Thursday, December 26, 2024

Suspettat traffikant tad-droga jinżamm arrestat

Aqra wkoll

Serb ta’ 31 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’pussess aggravat tal-kokaina, kannabis u drogi oħra.

Darko Smilajnic kien arrestat is-Sibt li għadda wara li l-pulizija rċevew informazzjoni kunfidenzjali u tpoġġa taħt sorveljanza. 

Din is-sorveljanza wasslet lill-pulizija biex tiżviluppa suspett raġjonevoli ta’ reat u sussegwentement inħareġ mandat ta’ arrest. Fil-ħin tal-arrest, il-pulizija sabu d-droga kemm fuqu kif ukoll ġewwa l-apparament tiegħu f’Tas-Sliema.

L-Ispettur Steven Ryan Micallef qal lill-Maġistrat Ian Farrugia li nstabu mal-1.75 kilo kannabis fil-pussess tiegħu flimkien ma’ 19-il gramma kokaina u seba’ grammi MDMA. Instab ukoll ammont ta’ flus konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll boroż tal-plastik vojta li jintużaw għat-traffikar tad-droga.

L-imputat wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, li iżda ġiet miċħuda mill-Qorti minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-fatt li m’għandu l-ebda rabta reali ma’ dawn il-gżejjer.

Bħalma jiġri fil-każijiet dwar traffikar tad-droga, inħarġet ordni ta’ sekwestru fuq il-proprjetà kollha tal-imputat, li biha twaqqfu milli jittrasferixxi jew jiddisponi minn kwalunkwe proprjetà mobbli jew immobbli.

Għal Smilajnic dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb. 

Ekonomija

Sport