Wednesday, January 7, 2026

Suspettati membri tal-Istat Iżlamiku arrestati fit-Turkija

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Torok arrestaw 115-il suspettat membri tal-grupp hekk imsejjaħ Istat Iżlamiku (IS) u ħarbtu pjanijiet ta’ attakki fil-pajjiż li kienu maħsuba jitwettqu waqt l-avvenimenti tal-Milied u tas-Sena l-Ġida. 

L-arresti saru waqt rejds intensivi li għamlu l-pulizija f’124 indirizz madwar Istanbul, il-kapitali tat-Turkija. Waqt ir-rejds ġew konfiskati ukoll armi tan-nar, munizzjon u “dokumenti organizzazzjonali.

Skont l-awtoritajiet Torok, is-sostenituri tal-IS kienu qed jippjanaw b’mod attiv attakki madwar it-Turkija matul din il-ġimgħa, partikolarment kontra persuni li m’humiex Musulmani. Minbarra li arrestaw 115 suspettat il-pulizija għadha għaddejja bl-isforzi biex jiġu traċċati 22 persuna oħra.

L-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali Tork ħabbar li s-suspettati kienu f’kuntatt ma’ membri oħra tal-IS barra t-Turkija. It-tħabbira tal-arresti saret wara li aġenti tal-intelligence Torok wettqu rejd kontra l-grupp fuq il-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan.

Ċttadin Tork li allegatament kellu rwol għoli fil-fergħa tal-Istat Iżlamiku li topera fir-reġjun ġie arrestat u akkużat li ppjana attakki kontra nies ċivili.

It-Turkija għandha fruntiera ta’ 900 kilometru mas-Sirja, fejn il-grupp IS ikompli jopera f’partijiet tal-pajjiż. Il-president tas-Sirja Ahmed al-Sharaa, li għandu rabtiet mill-qrib mal-gvern Tork, wiegħed li jaħdem mal-Istati Uniti u l-Ewropa biex jeqred l-elementi superstiti tal-IS.

L-Istati Uniti fil-fatt kienet wettqet mewġa ta’ attakki mill-ajru kontra l-pożizzjonijiet tal-grupp madwar is-Sirja nhar il-Ġmgħa b’reazzjoni għall-qtil ta’ żewġ suldati Amerikani u interpretu ċivili li nqatlu minn irġiel armati tal-IS aktar kmieni dan ix-xahar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport