Sunday, November 10, 2024

“Swat bħal dak ma jsirx fuq Maltin għax il-gwardjani privati jafu li jiġu f’inkwiet kbir”

Aqra wkoll

“Ma tistax tagħti b’dak il-mod”

Il-grupp ta’ gwardjani privati li sawtu lil dawn iż-żewġ żgħażagħ kienu anke mitluba mill-pubbliku preżenti biex “iħalluhom” u dan jinstema’ wkoll fil-filmat. Min-naħa tiegħu, is-sors stqarr li ma kienx preżenti f’dan l-inċident partikolari però mill-filmat tal-inċident, ikkonferma li ma tistax tagħti b’dak il-mod persuna f’wiċċha, aktar u aktar meta l-istess persuna tkun diġà minxura mal-art. 

Spjega li, “jien qatt ma niġġieled b’dak il-mod . M’iniex persuna li nfittex, naqla’ jew nidħol għall-inkwiet”. Fix-xogħol tiegħu, meta jkollu bżonn jikkontrolla żgħażagħ “boloh” huwa l-ewwel jipprova jkellimhom bil-kwiet u jekk ma jikkontrollahomx, l-aktar li jasal biex jagħmel huwa li jdawrilhom idejhom wara daharhom u joħroġhom barra sakemm jikkalmaw.

Mistoqsi dwar il-liċenzji speċjali li jinħarġu għall-gwardjani privati, dan is-sors qal li mhux kollha jkollhom inklużi gwardjani privati Maltin. Hawn huwa żied jgħid li, “ix-xogħol tagħna mhuwiex faċli. Ineħħu l-kokaina minn fuq persuni deħlin fl-istabbilimenti. Problema li hemm hija dik li xi bouncers jikkonsumaw l-alkoħol waqt il-ħin tax-xogħol għax jagħtuhulhom b’xejn.  Meta jkunu f’dak l-istat u xi ħadd itawwal ilsienu, l-affarijiet isiru perikolużi”.

Min-naħa tiegħu huwa jemmen li l-gwardjani privati li jkunu xogħol, m’għandhomx jixorbu alkoħol minħabba li jistgħu jsiru aggressivi b’mod speċjali meta jaraw xi kummiedji quddiem wiċċhom minn xi żgħażagħ bħal dawn. Dan minħabba li mill-esperjenza tiegħu jaf li mbagħad jisħnu l-irjus u l-alkoħol jista’ jagħmlek vjolenti. 

“Swat bħal dak ma jsirx fuq il-Maltin”

Barra minnhekk, huwa jemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar kontrolli kemm ta’ traffikar ta’ drogi, konsum ta’ alkoħol u sitwazzjonijiet serji bħal dawn. Fost is-suġġerimenti semma’ dawk li jistgħu jsiru aktar cameras, units ta’ pulizija apposta u rondi regolari b’mod speċjali wara s-2.00 ta’ filgħodu. 

“Tajjeb li ngħid li swat bħal dak ma jsirx fuq Maltin għax il-gwardjani privati jafu li jiġu f’inkwiet kbir. Dan isir biss fuq barranin partikolari. Dawk li għamlu hekk lil dawn iż-żgħażagħ, anke jekk għandhom liċenzja, qatt u qatt iżjed m’għandhom jitħallew jagħmlu dan ix-xogħol. Daqqa ta’ sieq fil-wiċċ biż-żarbun li kellu, għamilha ovvja li ried iweġġgħu. Għamlu x’għamlu u huma min huma dawn iż-żgħażagħ, ma kienx ħaqqhom dawk id-daqqiet,” temm dan il-gwardjan privat li jaħdem ukoll f’Paceville.

Jingħad li l-liċenzja tal-gwardjani privati tinħareġ taħt diversi kundizzjonijiet

Rigward dan il-każ, fis-26 ta’ Lulju dan is-sit bagħat il-mistoqsijiet  lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta fejn staqsejna jekk sarx rapport fir-rigward u jekk aġir bħal dan minn membri tas-sigurtà huwiex legali. Staqsejna wkoll jekk membri tas-sigurtà f’Paceville, aktar magħrufa bħala “bouncers”, humiex regolati b’liċenzja u jekk iva isirux minn żmien għal żmien, kontrolli biex dan ikun ikkonfermat. Fl-istess ħin ridna nkunu nafu jekk sabux minnhom li m’humiex b’liċenzja u jekk iva, x’sar. Minħabba li fost dawn il-bouncers hemm perċentwal qawwi ta’ barranin staqsejna jekk jiċċekkjawx il-kondotta ta’ dawn il-ħaddiema mal-awtoritajiet tal-pajjiż li jiġu minnu. 

Min-naħa tiegħu l-Korp ikkonferma li hemm l-investigazzjonijiet għaddejjin u infurmana li l-liċenzja biex wieħed jaħdem bħala gwardjan privat f’postijiet ta’ divertiment tinħareġ taħt diversi kundizzjonijiet. Fost dawn hemm li l-persuna tkun issodisfat il-kriterji kollha biex tinħareġ l-istess liċenzja u tkun attendiet kors speċjalizzat ta’ Gwardjan Privat f’waħda mill-akkademji liċenzjati. 

Mid-dettalji tal-kriterji meħtieġa, li huwa fuq is-sit tal-Korp tal-Pulizija, barra kors ta’ mill-inqas 20 siegħa, dawk impjegati jew fl-istess Korp, dawk fil-Forzi Armati, impjegati tal-gvern jew parastatali, iridu jipproduċu dikjarazzjoni mill-uffiċċju tar-riżorsi umani rispettivi tagħhom. Flimkien ma’ din jintalbu żewġ ritratti daqs ta’ passaport u tkun sottomessa l-applikazzjoni għand il-Pulizija. 

La fuq is-sit u lanqas mill-mistoqsijiet li bagħtna, però, mhuwiex speċifikat jekk isirx kontroll jew tintalabx il-kondotta tal-persuni li japplikaw għal-liċenzja ta’ gwardjani privati u f’każ ta’ barranin, isirx kuntatt mal-awtoritajiet rispettivi bħala parti mill-proċess għall-approvazzjoni tal-imsemmija liċenzja.

F’komunikat aktar riċenti, fit-22 ta’ Awwissu, Talk.mt talab aġġornament dwar l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ, kif ukoll konferma jekk kienx hemm sikkina involuta jew feriment iżda sakemm ġejna għall-istampa kien għad ma kellniex risposta.

Sport