Għaxar titli ta’ taħt il-15-il sena, tmien titli ta’ taħt is-17-il sena, u disa’ titli ta’ taħt id-19-il sena fl-aħħar għaxar snin, għall-proġett ewlieni fl- żvilupp tal-volleyball f’Malta
It-tim Block ‘N Roll ta’ taħt is-17 sena ta’ Swieqi Phoenix Volleyball ġie nkurunat champion nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena għat-tmien darba fl-aħħar għaxar snin. It-tim ta’ Swieqi Phoenix ikkonkluda l-impenji tal-istaġun tiegħu billi għeleb lir-rivali Depiro b’mod konklużiv bl-iskor ta’ 3-0. It-tim ta’ Swieqi Phoenix, li huwa appoġġjat minn EY Malta, ħareġ mingħajr telfa f’din il-kompetizzjoni.
It-trofew tal-kampjonat ġie ppreżentat minn Branko Vlahovic, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball, wara l-wirja kunfidenti tat-tim il-Ħadd li għadda. Dan is-suċċess jimmarka pass importanti ieħor għall-programm taż-żgħażagħ tal-klabb, bi Swieqi Phoenix Volleyball, li jifforma parti minn Phoenix Sports Club, jiddomina l-volleyball matul l-aħħar għaxar snin, inklużi għaxar titli ta’ taħt il-15-il sena, tmien titli ta’ taħt is-17-il sena u disa’ titli ta’ taħt id-19-il sena, apparti erba’ titli tas-Superleague, mirbuħa matul dan il-perjodu. It-timijiet taż-żgħażagħ tal-klabb huma appoġġjati minn EY Malta. Dan l-appoġġ jkompli jikkontribwixxi konsiderevolment għat-tkabbir tal-volleyball taż-żgħażagħ fi ħdan il-klabb.

