Swieqi Phoenix Volleyball dan l-aħħar assiguraw matematikament ir-raba’ titlu tas-Superleague tagħhom wara li għelbu lil Flyers bl-iskor ta’ 3-0. Swieqi Phoenix saru ċampjins filwaqt li fadlilhom tliet logħbiet x’jilghabu fis-Superleague, li huwa l-ogħla livell tal-volleyball lokali. It-tim, li huwa sponsorjat minn NIUM, s’issa għadu ma ġiex megħlub, wara li intagħbu disa’ logħbiet. Fil-passat, il-klabb kien rebaħ dan l-unur fl-istaġuni 2020/21, 2022/23 u 2023/4.
F’kumment dwar is-suċċess tat-tim, id-Direttur Tekniku u l-Head Kowċ tal-klabb Leonard Zammit Munro qal li dan kien sors kbir ta’ sodisfazzjon, peress li t-tfajliet u l-kowċis ħadmu bil-għaqal sa mis-sajf biex jippreparaw għal din l-isfida. Huwa kien kuntent ukoll li dan l-istaġun kien hemm opportunità sabiex jiddaħħal demm ġdid fit-tim, b’numru ta’ tfajliet iżgħar fl-eta’ li ġew min-nursery.
Il-President tal-klabb Orlando Bonnici feraħ lill-grupp kollu għas-suċċess tas-Superleague ta’ dan l-istaġun. Huwa stqarr li din il-kisba tissottolinja l-filosofija tal-klabb li jieħu approċċ professjonali għat-tħejjijiet għal kompetizzjonijiet nazzjonali, fil-livelli kollha. Huwa enfasizza li d-dixxiplina u l-motivazzjoni jibqgħu l-fok tax-xogħol tal-kowċis tal-klabb. Bonnici rringrazzja wkoll lill-isponsors tat-tim NIUM għall-ġenerożità u l-lealtà tagħhom matul dawn l-aħħar ħames snin.

