Tuesday, June 17, 2025

Swieqi United huwa klabb li wieħed irid ikun qiegħed jaħdem fi ħdanu biex verament japprezza l-professjonaliżmu u l-viżjoni tiegħu – Hubert Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet tista’ tgħid minn tfuliti. Mindu kelli 6/7 snin dejjem kont insegwi l-futbol, speċjalment dak Taljan u għadni s’issa kull meta jkolli ċans insegwi t-tim favorit tiegħi, AC Milan. Fir-rigward tax-xena lokali, minn dejjem kont insegwi r-rizultati tat-tim ta’ raħal twelidi, Tarxien Rainbows FC qabel ma mbagħad dħalt fl-Amministrazzjoni tal-Klabb u ġieli tlajt il-grawnd ukoll sabiex nagħti s-sapport. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Head of Football ta’ Swieqi United FC?

Il-Klabb ta’ Swieqi United huwa Klabb li wieħed irid ikun qiegħed jaħdem fi ħdanu sabiex verament japprezza l-professjonaliżmu li hemm u l-viżjoni li l-Klabb qiegħed jaħdem fuqha, grazzi għat-tmexxija tal-president Dr Justin Fenech u l-bqija tal-Kumitat. Meta jkollok viżjoni fit-tul bħalma hemm fi ħdan Swieqi, hemm bżonn li jkollok strutturi li jaħdmu sabiex titwettaq dik il-viżjoni, u għalhekk inħoloq dan ir-rwol ġdid fi ħdan il-Kumitat ta’ Head of Football sabiex min-naħa tiegħi naħdem, flimkien mal-Uffiċjali tal-Klabb kif ukoll mal-istaff u l-kowċis tat-timijiet kompetittivi kollha tagħna sabiex naraw li l-livell tajjeb li diġá ntlaħaq fil-maġġor parti tal-kategoriji insostnuh, kif ukoll intejbu fejn hemm bżonn.

Għandna responsabbilitá mhix żgħira, għaliex fis-settur tal-irgiel l-istaġun li għadda ntlaħqu tragwardi importanti li hemm bżonn intejbu fuqhom, fosthom it-tielet post fiċ-Challenge League tas-Senior Team kif ukoll il-promozzjoni tat-timijiet tal-Youths u l-Under 17’s.

Fil-kategoriji tan-nisa, kellna staġun formidabbli, fejn għall-ewwel darba l-Klabb rebaħ il-Kampjonat u s-Super Cup u issa qegħdin isiru l-preparamenti sabiex nieħdu sehem ghall-ewwel darba fil-UEFA Women’s Champions League fi ftit tal-ġimgħat oħra. It-tim tal-Youths tan-nisa wkoll kellu stagun mill-aqwa fejn intrebħet anke d-“Double”. It-tim tan-nisa U16 ukoll għamel qabżiet kbar fl-istaġun li għadda.

It-timijiet tal-futsal tagħna wkoll kellhom staġun pożittiv ħafna fejn kienu viċin ħafna li jirbħu l-kampjonat u waslu sal-finali kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll f’dik tan-nisa.

Kif għidt, dawn il-kisbiet iġorru magħhom responsabiltá kbira sabiex inkomplu nżommu l-livell u ntejbu fuqu u l-ħidma diġá bdiet bla waqfien sabiex naraw li dan iseħħ. Irrid minn hawn ngħid grazzi kbira lill-kowċis u l-istaff dedikati ta’ kull kategorija fi ħdan il-Klabb għall-ħidma li qegħdin iwettqu. 

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala Segretarju Generali ta’ Tarxien Rainbows FC. 

Kienet esperjenza li bla dubju ta’ xejn għallmitni ħafna. Kienet l-ewwel esperjenza tieghi f’Amministrazzjoni ta’ Klabb tal-futbol, u kelli x-xorti li din tkun proprju mat-tim ta’ raħal twelidi li minn dejjem kont partitarju tiegħu. Kienu snin ta’ sfidi mhux żgħar li nista’ ngħid, grazzi għall-kollegi tiegħi ta’ dak iż-żmien fi ħdan il-Kumitat, irnexxielna nindirizzaw u negħlbu. Kellna baġit finanzjarju li kien minimu għall-aħħar għall-ħtiġijiet ta’ Klabb fiż-żminijiet tal-lum, u għalhekk nedejna strateġija fejn xtaqna li nagħmlu emfażi ikbar fuq plejers żgħażagħ u ntejbu l-livell tat-tim tal-Youths tagħna bit-tir li jkollna aktar plejers żgħażagħ telgħin mill-istrutturi tal-Klabb stess.

Dan irnexxielna nagħmluh u ksibna riżultati tajbin ħafna fi ħdan it-tim tal-Youths tagħna, fejn grazzi anke għall-hidma impekkabbli tal-kowċ tagħna Justin Pace flimkien mat-Team Manager Keith Darmanin u l-bqija tal-istaff, irnexxielna niksbu tista’ tgħid tliet promozzjonijiet wara xulxin (waħda minnhom ma ġietx rikonoxxuta peressli l-kampjonat kien spiċċa kmieni minħabba l-pandemija tal-COVID-19) u meta ħallejt il-kariga tiegħi fl-2023 ħallejna t-tim tal-Youths f’Section A, b’potenzjal qawwi li l-Klabb jattira żgħażagħ ta’ livell.  

Kienu snin li ħabtu wkoll maż-żmien fejn kellna l-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk il-Klabb ħa daqqa mhux ħażin mil-lat finanzjarju kif ukoll mil-lat amministrattiv, peró xorta waħda, irnexxielna naħdmu fuq diversi proġetti bħall-appartamenti għall-plejers kif ukoll dwal ġodda għall-pitch fost diversi proġetti oħra li minnhom gawda l-Klabb. Nixtieq minn hawn nirringrazzja minn qalbi lill-partitarji kollha Tarxiniżi li dejjem tawna sostenn, fit-tajjeb u fil-ħażin.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol Malti nemmen li tjieb u qed ikompli jieħu xejra aktar professjonali iktar kemm jgħaddi ż-żmien. L-istrutturi fi ħdan il-Klabbs kif ukoll il-livell ta’ kowċis u l-istaff ta’ madwarhom qiegħed bla dubju jitjieb. Illum Klabb irid jilħaq ċerti kriterji sabiex jingħata l-liċenzja u dik awtomatikament tgħin sabiex il-Klabbs itejbu l-livell tagħhom. Mill-banda l-oħra nemmen li l-istakeholders kollha fi ħdan l-eko-sistema tal-futbol għandhom jaħdmu iktar flimkien sabiex jinstabu iżjed modi kif tingħata għajnuna lill-klabbs biex iżommu jew itejbu l-livell tagħhom. It-titjib fil-livell iġib miegħu iżjed piż finanzjarju, u dan bla dubju huwa suġġett li jrid jiġi indirizzat b’aktar serjetá fiż-żmien li ġej jekk irridu nkomplu ntejbu l-livell tal-futbol Malti. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Hawnhekk ukoll nemmen li filwaqt li l-livell qiegħed jitjieb u qiegħed isir sforz kollettiv kemm min-naħa tal-MFA kif ukoll min-naħa tal-klabbs sabiex il-faċilitajiet tat-taħriġ u l-logħob kompetittiv ikunu ta’ livell adekwat, hemm bżonn li jkun hemm aktar għajnuna min-naħa tal-awtoritajiet lejn il-klabbs sabiex il-livell ikompli jitjieb. Sfortunatament għadek issib differenza mhix żgħira bejn grawnds ta’ livell tajjeb ħafna u grawnds oħra li jintużaw biss minħabba nuqqas ta’ riżorsi. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kelma li nħobb nuża ħafna meta nitkellem ma’ kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol hija “committment”. Jekk wieħed ikun lest jagħmel is-sagrifiċċju u jkun “committed”, żgur li jista’ jasal sabiex jilħaq it-tragwardi tiegħu. Il-futbol, bħal kwalunkwe sport jew oqsma oħra fil-ħajja, jirrikjedi ħafna ħin, illum iktar u iktar meta l-livell qiegħed jitjieb. Kemm jekk plejer, membru tal-istaff, kowċ, membru tal-Kumitat jew Amministrazzjoni, il-karriera fil-futbol hija karriera li tagħtik ħafna sodisfazzjon, iżda trid tkun lest li taħdem sew u tagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport