Thursday, February 20, 2025

Ta 91 sena ipproponewlha tinvesti €200,000

…protest fil-Qorti għax minn €50,000 interessi ma’ ħadet xejn

Aqra wkoll

Anzjana li kienet imħajra tinvesti somma flus sostanzjali, bdiet l-ewwel passi fil-Qorti wara li ġie propost lilha li tinvesti s-somma ta’ €200,000 meta hi kellha 90 sena, liema investiment jiskadi meta jkollha 99 sena. Hi kellha tirċievi l-interessi fl-ammont ta’ 5 fil-mija fuq is-somma minnha investita, kalkulabbli annwalment iżda ma ħadet xejn. Fi protest li ppreżentat l-anzjana li llum għandha 95 sena, qiegħda titlob li titħallas €50,000, f’interessi.

Il-protest jgħid li jikkonċerna l-portafoll tal-investiment f’isem Mary Rodo, liema portafoll infetaħ u qiegħed jiġi mħaddem mill-kumpanija Curmi Partners. Jgħid li fl-20 ta’ Jannar tas-sena 2020, Neville Curmi ta’ parir ta’ investiment lil Mary Rodo biex parti sostanzjali mill-portafoll tagħha, jiġifieri is-somma ta’ €200,000, jiġu trasferiti f’investiment ġdid. Dan l-investiment jiskadi fis-sena 2029, li minnu hi kellha tirċievi l-interessi fl-ammont ta’ 5 fil-mija fuq is-somma minnha investita, kalkulabbli annwalment. Intqal li Mary Rodo straħet fuq dan il-parir mogħti lilha mill-Client Manager tagħha, u b’hekk qablet ma’ din il-proposta.

Il-protest jgħid li l-imsemmi investiment kien konsistenti f’self lil Caballero Investments kif stabbilit pemezz ta’ kuntratt f’Jannar tas-sena 2020. Jingħad li l-parir ta’ Neville Curmi sar bi ksur tal-obbligi ta’ fornitur ta’ servizz ta’ investiment li jorbtu bl-Att dwar Servizzi ta’ Investiment u l-Linji Gwidi Relattivi, għax l-investiment propost ma kien jagħmel ebda sens għal Mary Rodo, li meta ġie propost lilha l-investiment deskritt, kellha 90 sena. Infatti l-investiment hu maħsub li jiskadi meta jkollha 99 sena u għaldaqstant hu irraġjonevolment inadatt għaliha. Dan jagħmel il-parir mogħti wieħed għal kollox redikolu speċjalment fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet stabbiliti biex jipproteġu l-investment ta’ Mary Rodo u jassiguraw ritorna regolari f’termini fissi.

Il-protest jgħid li “l-protestanti aġixxew illegalment, abbużivament u irresponsabbli meta naqsu milli jottempraw ruħhom mal-obbligi ta’ żvelar tal-kundizzjonijiet tal-investiment meta jipproponi t-tali investiment lill-investitur prospettiv. Infatti, Mary Rodo qatt ma setgħet tagħmel deċiżjoni nfurmata abbażi ta’ stampa ċara tal-investimenti relattivi peress li hi ma ġietx mgħarrfa fuq in-natura tant riskjuża tiegħu. Dan il-livell għoli ta’ riskju joħroġ mill-fatt li l-investiment kien intiż biex Caballero Investment, debitriċi fil-kuntratt ta’ self terġa’ investi l-istess flus fis-soċjetà Alison Investments Services Limited. B’hekk, l-investiment jista’ jiġi deskritt bħala ftehim bejn tliet kumpaniji separati involuti f’servizzi ta’ investimenti mingħajr għan speċifiku għall-imsemmi self.

Dan kien jagħmel l-investiment wieħed inċert u indubbjament riskjuż sa mill-bidu tiegħu. Barra minn hekk, hu riskjuż ukoll għax kif imfassal, is-self ma kellu ebda garanzija b’sigurtà għall-kapital imsellef jew obbligu ta’ ħlasijiet regolari b’sodisfazzjon tas-somma imtellfa. Is-self ma jistabbilixxix kundizzjonijiet biex jiġi assigurat li s-soċjetà debitriċi tonora l-obbligi tagħha għall-ħlas ta’ interessi akkumulati annwalment fil-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Infatti Mary Rodo preżentament tinsab mingħajr ebda rimedju effettiv biex tinforza l-interessi li diġa saru u għad isiru dovuti lilha, minkejja li s-soċjeta debitriċi tinsab inadempjenti fit-tali ħlas, li issa ammonta għal €50,000.

Intqal ukoll li Mary Rodo kieku kienet f’pożizzjoni li tagħmel deċiżjoni infurmata abbażi tan-natura vera tal-investiment, ċertament li ma kinitx se taqbel li tinvesti il-fondi tagħha b’dan il-mod. Infatti dan l-investiment imur għal kollox kontra l-karatteristika tal-portafoll ta’ Mary Rodo, li dejjem investiet għal fini ta’ ‘Conservative Income’ u dan biex il-kapital oriġinali tagħha jiġi protett u ma jiġix impoġġi f’riskju sostanzjali ta’ telf.

Il-protest jgħid li n-natura tal-Investiment huwa ukoll dubju u riskjuż għax Neville Curmi, li aġixxa bħala Client Manager meta ta’ l-parir tiegħu, jokkupa ukoll iI-kariga ta’ direttur, segretarju tal-kumpanija, rappreżentant legali u rappreżentant ġudizzjarju fi ħdan is-soċjetà debittriċi Caballero Investments Limited. Din possibilment kienet motivazzjoni li wasset lil Neville Curmi biex jabbuza mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Client Advisor u mill-pożizzjoni ta’ Curmi & Partners bħala s-soċjetà li tforni s-servizzi ta’ investment sabiex bi ksur tal-obbligi legali imposti fuqhom, inkluż dawk deskritti ta’ żvelar fost oħrajn, jagħmlu gwadann personali għal benefiċċiu ta’ Neville Curmi. Dan dejjem bi preġudizzju għall-interessi tal-klijenta investitriċi tagħhom Mary Rodo.

Il-protest jgħid li “b’dan, il-protestati Neville Curmi u Curmi & Partners kisru l-prinċipju Ii fornitur ta’ servizz ta’ investment għandu dejjem jaġixxi b’onestà, b’mod ġust u bi professjonalità, u dan fl-aqwa interess tal-klijent. Sabiex isir dan, fornitur tas-servizz u I-Client Manager għandhom kull obbligu li jevitaw kunflitt ta interess, obbligu li huwa ben irregolat permezz tal-linji gwidi li nħarġu mill-MFSA. B’hekk. dan l-għemil ma jistax ħlief jiġi deskritt bħala qarrieqi, doluż u saħanistra frawdolent.

Jissemma’ kif I-investment sar bi ftehim ma’ Silvio Muscat, li huwa I-Awdltur ta’ Caballero Investments Limited u li hu wkoll involut fis-soċjetà Alison Investment Ltd bħala l-awditur u anke f’pożizzjonijiet oħrajn li hu okkupa fi ħdan il-kumpanija tul iż-żmien. Minkejja li l-investiment sar tramite is-soċjetà Curmi & Partners u Neville Curmi is-somma investita fis-self imsemmi tneħħiet mill-portafoll tagħha, tant li r-rekords mgħoddija lill-protestata ma jqisux dan l-investment u wisq anqas ma jindikaw kwalunkwe ritorn mid-data illi sar l-investiment. Dan kollu ikompli isostni l-intendiment doluż u malizziuż li kellhom.

Il-protest ikompli jgħid li l-protestanta tqis li eżitu ċ-ċirkustanzi prevvisti mill-Artikolu 974 tal-Kodiċi Civili (Kap. 16, Ligijiet ta’ Malta) għax jirriżulta li l-kunsens mogħti minn Mary Rodo sabiex tinvesti flusha permezz tas-self propost lilha huwa gravament vizzjat, u dan għax hi ġiet esposta għal informazzjoni qarrieqa sabiex tagħti l-kunsens tagħha, mingħajr l-għarfien tar-riskju relattiv, tal-kunflitt ta’ interess eżistenti. Dan kollu sar b’abbuż tal-irwol strettament irregolat mill-liġi ta’ fornitur ta’ servizzi ta investiment.

Intqal li “dan I-aġir ikkawża danni finanzjarji seri, u għadu jikkawża t-tali danni sa llum. In fatti, l-aġir abbużiv, illegali u responsabbli tal-protestati qiegħed iċaħħad lil Mary Rodo mill-aċċessibilità’ ta’ fondi tagħha stess u jwassal ukoll f’danni konsistenti fl-imgħax li hi kienet tgawdi li kieku s-somma msemmiia baqgħet tiġi investita bħall-bqija tas-somma li hi fdat magħhom. Minflok Mary Rodo ma jidher li rċeviet ebda pagamenti mingħand Caballero Investments Limited f’imgħax akkumulati annwalment skont il-ftehim li sar.

Il-protest jgħid li Mary Rodo qiegħda tinterpella lill-protestanti sabiex jirtirawha immedjatament mill-investiment deskritt u jgħaddu biex jillikwidaw u jissodisfaw il-ħlas tal-investiment oriġinali l-interessi kollha li akkumulaw sad-data tal-preżenti protest favur Mary Rodo, ikkalkulati bir-rata ta’ 5 fil-mija annwalment skont kif stipulat fl-istess kuntratt u għalhekk is-somma ta’ €50,000.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport