Thursday, December 26, 2024

Ta’ Metsola diżappuntati u tal-Kap bi sforz biex iżommuha ‘l bogħod

Aqra wkoll

It-tim ta’ Roberta Metsola kien diżappuntat għall-aħħar meta din il-ġimgħa l-Partit Popolari Ewropew indika li se jikkonferma lil Ursola Von Der Leyen bħala l-kandidat tiegħu għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. 

Huwa sigriet magħruf li mir-rwol ta’ President tal-Parlament Ewropew, l-uffiċċju ta’ Metsola kkampanja kemm felaħ biex ikun f’pożizzjoni li jaqlibha lil Von Der Leyen għal din il-kariga importanti. Ġurnalisti qrib Metsola f’pajjiżna wkoll kienu eċitati b’dan u rrapportaw b’mod fin fil-mezzi tax-xandir lokali. Iżda fl-aħħar xhur bdew jintbagħtu messaġġi li Metsola ma kelliex ċans u dan minkejja li daret l-Ewropa biex turi li hi kandidat denju. 

Din il-ġimgħa t-tamiet tagħha jidher li ngħataw id-daqqa tal-mewt u filwaqt li fi Brussell kien hemm diżappunt l-istamperija t-tim ta’ Bernard Grech beda jħokk rasu kif se jżommha bogħod kemm tista’ minn Malta wara t-8 ta’ Ġunju. 

It-tmexxija ta’ Bernard Grech għandha l-ħsieb li Metsola ssib post ieħor fi Brussell, anke jekk mhux dak li riedet oriġinarjament u fil-Popoplari Ewropew qed jagħmlu sforz biex jibagħtu dan il-messaġġ. Qed isostnu li l-President tal-Parlament Ewropew fl-aħħar sentejn u nofs ma tistax tidher li qed tingħata l-ġenb milli tkun kunsidrata għall-kariga oħra. Il-ħsieb jidher altruwist, iżda kollox qed isir bit-tama li Bernard Grech ikun rasu mistrieħa minn postu fl-istamperija. 

U Bernard Grech anke pubblikament beda jgħaddi messaġġi li jiġri x’jiġri fix-xhur li ġejjin il-ġudizzju ma jistax ikun fuqu biss, tant li mar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista stess jimbotta dan il-messaġġ.  Drabi oħrajn qal li min kellu jiġi biex jgħin, missu għamel dan qabel. Dan f’botta ċara oħra li hu għandu jibqa’ Kap anki wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju u Metsola ma għandhiex toħroġlu għan-nofs.

Filwaqt li f’Malta Metsola tipprova tpinġi stampa li kollox kien ward u żahar fl-aħħar xhur sfat fil-mira ta’ kritika mhux żgħira. Lil-kamp ta’ Metsola internament jaf li qamu anke  mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà tagħha. Jidwu hemm li f’sentejn kien hemm każijiet oħra gravi bħall-iskandlu tal-QATARGATE li heżżeż il-Parlament Ewropew u l-mod kif Metsola stess ippruvat iddaħħal lir-raġel t’oħtha biex ikun iċ-Chief of Staff tagħha. Pass li rtirat wara li nkixfet minn gazzetta Taljana fi żmien il-festi tal-ewwel tas-sena.

Sfat ukoll fil-mira għal azzjonijiet fejn biex tasal qabel Von Der Leyen għaġġlet fuq temi bħal gwerra. Fil-fatt meta faqqgħet mill-ġdid il-gwerra fil-Lvant Nofsani wara s-7 ta’ Ottubru Metsola għamlet żjara li għaliha ġiet kritikata ferm għal mod kif żbilanċjat ruħha wara l-forza li qed tintuża mill-qawwiet Iżraeljani f’Gaża, li qed twassal għat-telfien ta’ ħajjiet ta’ bosta persuni ċivili Palestinjani. Fi Brussell u anki f’Malta, Metsola kienet imsejħa bħala persuna li qed tiffaċilita l-ġenoċidju u dawn l-argumenti komplew jidwu wara li fl-aħħar jiem saħqet għal aktar minn darba li l-Unjoni Ewropea għandha tarma ruħha iżjed u tikkumplimenta l-qawwa tan-NATO.

Ekonomija

Sport