Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żgħir dejjem ħabbejt il-futbol. Missieri kien jilgħab ukoll u dejjem kien jeħodni miegħu kull logħba li kien ikollu. Il-ġenituri dejjem issapportjawni kemm missieri u anke ommi. B’hekk bla ma trid dejjem kiber l-interess u dejjem xtaqt nilgħabu.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Ta Xbiex SC?
Ta’ Xbiex SC hemm proġett tajjeb ħafna. Qed nistenna bil-ħerqa li jibda l-istaġun. B’ħidma u sagrifiċċju, nemmen li jista’ jkollna staġun pożittiv ħafna quddiemna.
X’tikkummenta fuq id-Direttur tal-Isport ta’ Ta’ Xbiex SC, Chris Wismayer?
Bħala kumitat tista’ tgħid li laqgħuni b’idejhom miftuħa. Huma professjonali ħafna. Mill-konverżazzjonijiet li kelli ma’ Chris, jidher li huwa persuna b’passjoni u dedikazzjoni kbira lejn it-tim. Qiegħed vera inħares ‘il quddiem biex naħdem miegħu.
Iddeskrivi l-esperjenzi preċedenti tiegħek fil-futbol.
Bdejt il-karriera tiegħi ma’ Hibernians FC, fejn qattajt sa 18-il sena.
Wara Hibernians qattajt żmień ma’ Santa Lucia FC fejn għamilt erba’ snin parti mill- iskwadra tal-minors kif ukoll tal-kbar. Għamilt żmien qasir minors ukoll ma’ Zebbug Rangers FC. L-istaġun li għadda bdejtu ma’ Kalkara United FC.
F’Jannar iżda ċċaqlaqt u mort ma’ Mqabba FC fejn ħdimna ħafna u ksibna l-promozzjoni għan-National Amateur League 1. Kellna tim magħqud ħafna, kumitat u staff tekniku mill-aqwa u b’dedikazzjoni kbira. Dan kollu kien utli biex wassal għall- promozzjoni fl-aħħar tal-istaġun.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti nemmen li tjieb ħafna preżentement. Il-livell tal-plejers żdied u aktar ma jgħaddi ż-żmien nemmen li ħa jiżdied aktar.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Nemmen li bħala grawnds fejn jintlagħab il-logħob huma tajbin u dejjem qed jiġu mtejbin. Saħansitra, dal-ahhar kien hemm ukoll xi xogħolijiet li kienu qed isiru f’diversi grawnds ukoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ninsab determinat u lest biex naħdem u nagħmel mill-aħjar li nista’ biex intejjeb il- livell personali kif ukoll ngħin lit-tim tiegħi jilħaq l-għanijiet tiegħu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Lil kull min qed jaħseb biex jibda l-futbol u jagħmel karriera ta’ suċċess, ngħidlu jagħmel dan il-pass. Il-logħba se tittestjak, imma se tibnik ukoll. Mhux biss dwar it- talent, imma dwar ix-xogħol iebes, id-determinazzjoni, u li qatt ma ċċedi meta ssib diffikultajiet. Kull qatra għaraq, kull filgħodu kmieni, kull telfa iebsa, jibnuk f’persuna iktar b’saħħitha. Ippersisti, emmen fik innifsek anke jekk ħaddiehor ma jemminx fik. Bil-perseveranza tasal. Il-futbol jippremja lil dawk li jagħtuh kollox!