Matul il-ġurnata tal-Gimgħa, il-Klabb Sportiv ta’ Ta’ Xbiex ippreżenta b’mod uffiċjali it-tim li ser jieħu sehem fil-Kamjonat tal-Beach Soccer Ewropew ġewwa Nazarè, il-Portugall. Din ser tkun l-ewwel darba li klabb sportiv Malti sejjer jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, fejn ser jipparteċipaw iktar minn 36 skwadra minn madwar l-Ewropea kollha.
Il-President tal-Klabb Christian Wismayer, saħaq li b’din l-opportunità, il-klabb li ilu jirrapreżenta lill-lokalità ta’ Ta Xbiex għal dawn l-aħħar 12-il sena fi sport bħall-Futbol u l-Futsal, ser ikollu l-opportunità tagħmel dan għall-ewwel darba f’fora Ewropeja.
“Huwa unur kbir għalina bħala t-tmexxija tal-klabb, il-kommunita tagħna fi ħdan Ta’ Xbiex, u l-bqija tal-pajjiż, li sejrin nagħmlu dan il-pass.”
Wismayer tenna kif l-iskwadra ilha titħarreġ minn Frar li għadda fi preparamenti għal dan it-tornew Ewropew. “Din hija tassew inizjattiva sabiħa fl-istorja żagħżugħa ta’ dan il-klabb. Pass kbir bħal dan ma kienx possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Assoċjazzjoni tal-Beach Soccer, l-isponsors tagħna, u anke l-għajnuna tal-Kunsill Lokali.”
“Din l-esperjenza ser tkun lezzjoni kbira għalina, bil-għan li twitti t-triq għall-bqija tat-timijiet involut f’dan l-isport.”
It-Tim Manager fi ħdan Ta’ Xbiex Sports Club, Kurt Borg, ddeskriva din l-opportunità bħala waħda ta’ prestiġju. Huwa tenna kif fil-grupp ta’ logħob li fihom ser ikun involut il-Klabb, ser ikun hemm timijiet mill-Portugal, Spanja u l-Ukrajna.
“Konxji tal-isfida kbira li għandna quddiemna. Dawn huma timijiet rinomati li sejrin nikkompetu magħhom. Aħna ser nagħtu l-almu tagħna, u nittmawaw li jkollna prestazzjonijiet mill-aħjar.”
Mark Marlow, ir-rappreżentant tal-Futsal u l-Beach Soccer fi ħdan l-MFA, saħaq li l-Klabb ta’ Ta’ Xbiex ser jonora lil pajjiżna għall-ewwel darba. “Bħala MFA, konna u għadna kommessi li nibqgħu nagħtu l-għajnuna meħtieġa.”
“Din l-avventura hija waħda straodinarja. Filwaqt li x-xenarju lokali u dak internazzjonali huwa differenti, l-iskwadra tal-lum tinkludi fiha players tat-tim nazzjonali li diġà għandhom esperjenza, u kapaċi jagħmlu d-differenza.”
Fl-aħħar net, il-Kap Eżekuttiv ta’ ST Group, Michael Stivala, faħħar lill-Klabb għal din l-inizjattiva, u appella lil iktar intrapriżi u gruppi oħra biex ikomplu jipprovdu l-għajnuna lil entitajiet u għaqdiet differenti.
“Nawguralwhom lill-klabb ta’ Ta’ Xbiex is-suċċess kollu. Sejrin jippreżentaw u jagħtu riklam lill-pajjiż kollu. Lill-kommunita ta’ intraprendituri lokali, nappella biex inkomplu jersqu viċin dawn l-entitajiet sportive: Is-suċċess tagħhom, huwa s-suċċess tagħna.”
Preżenti għal din il-preżentazzjoni uffiċjali kien hemm is-Sindku Max Zammit, li awgura lill-klabb is-suċċess kollu, u awguralhom ta’ dan il-pass storiku li sejrin jieħdu.
It-tim ser ikun immexxi mill-Kowċ Pietro Barone, u flimkien mal-kaptan tal-iskwadra Antoine Barbara, ser tinkludi lil Brandon Muscat, Zvezdan Vukovic, Matthew Cassar, Jake Azzopardi, Jeremy Cassar, Matthew Agius, Ahmad Ayoub, Giuseppe Barone, Saturday Nanapere u Ryan Dalli.