Minbarra l-popolazzjoni li qiegħda tfur u żdingar irrappurtat minn żmien għall żmien, il-loklità ta’ San Pawl il-Baħar għandha realtà oħra inkwetanti li ġiet ikkonfermata minn ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Din il-lokalità issa tinsab fuq nett tal-lista tal-aktar bliet f’Malta li fihom isseħħu inċidenti tat-traffiku. Aktar minn sempliċi fatt ta’ numri, din l-informazzjoni hija twissija serja dwar il-problemi strutturali, amministrattiva u kulturali li qegħdin jikkaratterizzaw it-toroq.
F’perjodu ta’ tliet xhur, bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, San Pawl il-Baħar irreġistra xejn inqas minn 240 każ ta’ inċidenti fit-traffiku. Dan huwa l-ogħla ammont ta’ inċidenti li seħħu f’Malta. Fl-istess kwart kellna tnaqqis ġenerali fin-numru ta’ inċidenti madwar il-pajjiż. Dawn niżlu b’aktar minn disgħa fil-mija. Iżda, dan it-tnaqqis ma jidhirx li ntlaħaq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-istatistika turina li filwaqt li bosta bliet għamlu pass ’il quddiem, San Pawl il-Baħar għamel pass lura. Pass li mhuwiex żgħir. Mhux biss kienu ħafna, kienu gravi wkoll.
F’kumment li tana l-eks Viċi Sindku ta’ din il-lokalità, Carlos Zarb spjega kif, “għal 13-il xahar il-Kunsill ħalla numru ta’ tabelli li kienu anke intenzjonati biex itejbu s-sistema tat-traffiku ġewwa l-Qawra mgħottijin b’garbage bag. Insemmi l-akwata tal-Qawra fosthom Triq it-Tamar u l-akwati fejn numru ta’ toroq kellhom it-tabelli installati imma dawn baqgħu mgħottija. Għal sena sħiħa. Ovvjament din is-sistema kienet se tiffaċilita u forsi anke tnaqqas xi inċidenti f’dawk it-toroq għax kif kienet is-sistema ma kinitx qiegħda taħdem”.
F’daqqa waħda: kaos u ġenn fost ir-residenti
L-eks Viċi Sindku ta’ din il-lokalità sostna li l-ħażin sar issa li tneħħew dawn il-garbage bags u kif it-tabelli kellhom jiffunzjonaw, inbidlu f’temp ta’ ġurnata. “Jiġifieri, ir-residenti ma ġewx innotifikati. Jiena personali li nsegwi l-paġna tal-Kunsill, ma rajt imkien stqarrija li turi li dawn it-tabelli issa se jibdew jiffunzjaw u allura anke qalb ir-residenti ħolqot ħafna kaos u ġenn.
Vera li forsi kellhom sena jarawhom mgħottija, iżda ma tistax f’daqqa waħda tikxifhom mingħajr ebda informazzjoni lir-residenti u agħar minnhekk tistazzjona uffiċjali tal-LESA li flok jedukaw, iħarku lin-nies meta dawn għadhom ma drawx is-sistema,” insista Zarb.
Huwa kkonferma li tajjeb li l-Kunsill stazzjona uffiċjali tal-LESA però speċifika li, “speċjalment fil-bidu, dawn l-uffiċjali għandhom ikunu hemm biex jedukaw u mhux biex iwaħħlu l-multi”.
Filwaqt li spjega li dawn l-affarijiet huma wkoll marbuta mal-problema tal-inċidenti f’din iż-żona, Zarb jemmen ukoll li hemm bżonn li f’ċerti postijiet jiġu installati ċerti miżuri li jinfurmaw lir-residenti fosthom li ċertu sinjali jkunu mmarkati aħjar.
Huwa jaf b’ċerti inħawi fejn waqt laqgħa pubblika minnhom ħareġ li saru ħafna inċidenti fosthom fi Triq Anetto Caruana, kantuniera ma’ Triq Port Ruman, li għandha bżonn “Stop sign”. “Semmejtha jien u semmewha anke r-residenti fil-laqgħa pubblika imma sal-ġurnata tal-lum dan is-sinjal għadu ma sarx. Dan huwa post fejn saru ħafna inċidenti wkoll,” speċifika l-eks Viċi Sindku.
Zarb jemmen li hemm bżonn li l-Kunsill preżenti jkun aktar pro attiv fejn żied li, “forsi fejn hemm statistika li turi din ir-realtà, terġa’ ssir analiżi ta’ fejn qegħdin isiru dawn l-inċidenti u jkun proattiv. Jista’ anke jissuġerixxi ideat u jagħmel proposti lil Transport Malta. Nemmen li l-Kunsill jista’ ikun proattiv f’dan il-lat”.
Il-problema tmur oltre…
L-inċidenti jirriflettu l-popolazzjoni
Hawn Zarb aċċenna li “però, il-problema tmur oltre. Għandna nkunu realistiċi wkoll li l-ammont tal-karozzi fit-toroq żdiedu u l-popolazzjoni f’San Pawl il-Baħar kibret ħafna speċjalment fis-sajf fejn hemm influss qawwi ta’ turisti li jikru l-karozzi u jgħixu fl-akwati. Hawnhekk nemmen li l-inċidenti jirriflettu l-popolazzjoni tan-nies, bħalma jkollok aktar skart iġġenerat.
Hemm bżonn ta’ infrastruttura li tiflaħ għal dan l-ammont ta’ nies. Jiġifieri barra minn dak li jista’ jagħmel il-Kunsill, wieħed irid jirrikonoxxi li fejn hemm densità ta’ nies, hemm aktar inċidenti. Dan bħalma jiġri barra minn Malta fejn fl-ibliet ovvjament se jkollhom aktar inċidenti mill-villaġġi rurali. Din hija realtà”.
Dan l-eks Viċi Sindku hawn semma’ s-sistema tal-AI fejn jara li wasal iż-żmien li nibdew nużawha anke fis-sistemi tat-traffiku fosthom fit-traffic lights. Dan biex l-influss ikun aħjar u anke nnaqsu l-konġestjoni tal-karozzi li jkun barra fl-istess ħin u fl-istess post. Aċċenna wkoll għall-proposti mill-Ministru tat-Trasport fejn se jipprova jindirizza din il-problema.
Zarb huwa tal-fehma li l-AI għandha tkun l-għodda li tgħin fil-problema tat-traffiku u l-inċidenti f’Malta. Fuq kollox jemmen li d-dixxiplina hija importanti.
“Din tista’ tintlaħaq biss bl-infurzar kemm jekk bil-preżenza ta’ uffiċjali, kif ukoll b’sistemi ta’ cameras bl-AI u kontroll room li tiċċekkja x’inhu jiġri fuq il-cameras. Nemmen li d-dixxiplina fit-toroq u fi kwalunkwe qasam ieħor trid tkun aktar preżenti.
Hemm lok li nedukaw lin-nies b’aktar kampanji dwar kif wieħed għandu jsuq anke sempliċiment li jixegħlu l-indicators u li ma jixorbux waqt is-sewqan. Imbagħad immorru pass oltre bl-infurzar għax dan huwa importanti ħafna. Dawn l-affarijiet kollha jridu jsiru flimkien biex verament naraw il-bidla li nixtiequ,” temm l-eks Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb.