It-Tabib Alex Magri appella lill-poplu biex jaħseb f’xulxin ħalli pajjiżna jevita li jispiċċa jitlef paramedeċi kif ġralhom pajjiżi oħra fejn kienu bosta dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fosthom tobba u infermieri, li mietu.
“Kulħadd hu suġġett li jieħdu, jimrad u jxerred il-virus. L-agħar li jmorru huwa l-vulnerabbli. L-isptarijiet tagħna qed iżidu aktar u aktar l-pazjenti rikoverati bil-Covid19. Hemm 15 fl-ITU. Dan barra l-periklu għal min idur bihom bħal tobba, nurses u ħaddiema oħra. Ejja ħalli flimkien nevitaw kriżi speċjalment fix-xhur li ġejjin”, huwa appella fuq il-media soċjali.
Dr Magri għamilha ċara li m’għandnix għaliex noqgħodu nistennew lill-Gvern u l-infurzar għax wara dawn ix-xhur kollha kulħadd jaf x’għandu jagħmel biex jipproteġi lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru.
Kien hawn li b’ton ironiku indirizza lil dawk li ma jafux billi appellalhom jilbsu l-maskra sew, iżommu distanza ta’ żewġ metri minn xulxin, jaħslu jdejhom ta’ spiss, ma jmissux wiċċhom speċjalment ħalqhom, imneħirhom u għajnejhom u jevitaw il-folol.