Tuesday, October 28, 2025

Table Football – Suċċess Storiku għal Bormla Subbuteo Club

Aqra wkoll

Bormla Subbuteo Club komplew bis-suċċessi tagħhom hekk kif waslu sal-finali tal-ECSTFA Champions League f’Haversham Kent l-Ingilterra, fejn tilfu 1–3 kontra t-tim Taljan Frat. Bari Reggio Emilia. Din kienet l-għaxar darba li t-tim Taljan rebaħ dan it-titlu, filwaqt li għall-Bormla kienet l-ewwel darba li laħqu l-podju f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża minn 19-il Klabb li kienu ġejjin minn Malta, l-Italja, Belġju, l-Olanda, Franza, Spanja, il-Greċja kif ukoll mill-Ingilterra.

Bormla Subbuteo Club, li twaqqaf fl-2009, irnexxielu jtejjeb il-ħames post miksub is-sena li għaddiet, wara 12-il parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni.

Il-vjaġġ lejn il-finali

Bormla rebħu Grupp A b’ħames rebħiet minn ħames logħbiet:

  • 3–1 kontra Hennuyer B (Belġju)
  • 4–0 kontra Issy/Boss (Franza)
  • 3–0 kontra Bologna Tigers (Italja)
  • 2–1 kontra Fiamme Azzurre Roma (Italja)
  • 4–0 kontra Yorkshire Phoenix (Ingilterra)

Fil-kwarti tal-finali, Bormla rebħu 3–0 kontra Stembert (Belġju), filwaqt li fis-semi-finali għelbu Valletta SC (Malta) bil-differenza ta’ żewġ gowls wara li l-logħba ntemmet 2–2. B’hekk avvanzaw għall-finali u kisbu medalja tal-fidda storika.

It-tim ta’ Bormla

It-tim kien jinkludi lil:

  • Charlie Aquilina
  • Jason Pisani
  • George Ebejer
  • Jean Carl Tabone
  • Il-plejers barranin Bessim Golger (Belġju) u David Bermudez Gonzalez (Spanja)

Tournaments li ġejjin

It-tim issa se jkompli jipprepara għat-International Open ta’ Bormla f’Novembru, kif ukoll għall-Major ta’ Bologna f’Diċembru.

Ringrazzjamenti

Dan is-suċċess seta’ jintlaħaq grazzi għall-appoġġ ta’
VisitMalta – Explore More, SportMalta, Mykonos by Yiamas, EJCS, EuroClub Hotel, Fairbet, kif ukoll Cospicua Dynamos.
Il-Bormla Subbuteo Club jirringrazzjahom sinċerament għall-għajnuna kontinwa tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport