Sunday, December 22, 2024

Tagħlim fl-iskejjel dwar perikli minn traffikar uman

Strateġija nazzjonali u pjan ta’ azzjoni b’miri ta’ għarfien kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-vittmi jew dawk f’riskju…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kien fl-2018 li għall-ewwel darba l-awtoritajiet lokali formalment identifikaw l-ewwel tifel/tifla vittma ta’ traffikar uman. Il-vittma, li kienet f’Malta mhux akkumpanjata, spiċċat issofri minn sfruttament sesswali. Għal pajjiżna, tfal mhux akkumpanjati huma ta’ tħassib serju u l-ammont reali ta’ tfal vittmi ta’ traffikar uman jista’ jkun ferm aktar minn dawn li nafu bihom. Barra minnhekk, fl-2020 tlett itfal oħra, din id-darba Maltin, ukoll ġew identifikati bħala vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin. 

Dan it-tagħrif ingħata l-ġimgħa l-oħra fit-tnedija ta’ Strateġija Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin f’Malta (2024-2030) fejn waħda mill-aktar għodod li se jintużaw fis-seba’ snin li ġejjin fl-implimentazzjoni tagħha hija proprju l-għarfien. 

Dan l-għarfien mhux biss se jitwassal b’kampanji nazzjonali u fil-midja soċjali iżda anke fuq il-banek tal-iskejjel ta’ Malta u Għawdex. F’din l-ewwel strateġija ta’ din ix-xorta, l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin, inklużi t-tfal, huma ta’ prijorità. Dan b’mod partikolari hekk kif hemm żieda fin-numru tal-vittmi żgħar fl-età li t-traffikanti qegħdin jirreklutaw u jisfruttaw permezz ta’ mezzi online.

Tarka għal uliedna

L-għarfien dwar dan il-periklu għat-tfal li fl-innoċenza tagħhom ma jafux x’hemm hemm barra u sa fejn jista’ jasal traffikant bla skrupli, se jingħatalhom f’sessjonijiet fl-iskejjel stess. L-istudenti minn etajiet żgħar jitgħallmu dwar it-traffikar uman, l-isfruttament, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u dwar l-importanza tad-drittijiet umani. 

Din “it-tarka” li se tingħata lill-uliedna kontra min jista’ jabbuża minnhom se tkun imsaħħa minn għarfien lill-pubbliku kif ukoll taħriġ lill-professjonisti biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Il-protezzjoni tat-tfal f’pajjiżna se tissaħħaħ aktar kontra dan ir-riskju permezz ta’ mekkaniżmi aħjar biex ikun irrapportat tali sfruttament. Barra minnhekk, dawk f’riskju, se jkollhom aċċess iffaċilitat għal helpline immexxija minn professjonisti mħarrġa. 

L-istrateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin se żżid il-kollaborazzjoni mas-sistema edukattiva bl-inklużjoni ta’ suġġetti speċifiċi dwar it-traffikar. B’hekk, l-istudenti tagħna se jkunu infurmati aħjar dwar riskji relatati.

Min-naħa tagħhom il-professjonisti li jaħdmu mat-tfal fosthom edukaturi, ħaddiema soċjali, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll il-ġenituri u l-gwardjani legali, grazzi għal taħriġ u għarfien ippjanat fl-istrateġija, mistennija li jkunu jistgħu jidentifikaw aħjar tfal f’riskju u jieħdu azzjoni għall-prevenzjoni ta’ sfruttament. Għall-vittmi tfal barranin l-awtoritajiet iridu jiżguraw li l-informazzjoni, bi dritt, tingħatalhom mill-ewwel f’lingwa li jistgħu jifhmuha. 

Strateġija u pjan ta’ azzjoni

Din l-Ewwel Strateġija Nazzjonali Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tfasslet b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa fi programm ko-finanzjat minn fondi tal-UE u tinkludi pjan ta’ azzjoni. Din hija msejsa fuq ħames pilastri li jipprovdu għat-tisħiħ tal-ġlieda u l-prevenzjoni ta’ dan ir-reat serju, kif ukoll appoġġ għall-vittmi. 

L-akbar ammont ta’ vittmi f’Malta jirriżulta li huma persuni sfruttati fuq il-post tax-xogħol (77%) u warajh hemm it-traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. Il-viżjoni tal-Gvern Malti hija li jiżgura d-drittijiet ta’ kull individwu huma protetti u li t-traffikanti ta’ dan l-att kriminali jiffaċċjaw ġustizzja. 

Huwa rikonoxxut li hemm bżonn ta’ approċċ bil-vittma fiċ-ċentru ta’ din il-ġlieda kontra t-traffikar uman. B’din l-istrateġija pajjiżna se jkun qiegħed jipproteġi l-aktar vulnerabbli fostna. Dan billi tipprijoritizza ħames pilastri li ġew identifikati bħala kruċjali biex intejbu azzjonijiet strateġiċi kontra t-traffikar uman. Dawn huma:

1: It-tisħiħ tal-qafas ta’ appoġġ kontra t-traffikar tal-bnedmin;

2: Li jkun hemm prevenzjoni mmirata tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni bikrija ta’ vittmi potenzjali ta’ traffikar u persuni f’riskju;

3: Żieda fir-rappurtar mill-vittmi, investigazzjoni effettiva u prosekuzzjoni tat-traffikanti;

4: Protezzjoni komprensiva tal-vittmi, aċċess għall-ġustizzja u rimedji;

5: Sħubiji strateġiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex ikun indirizzat it-traffikar uman.

Identifikazzjoni, prevenzjoni, tagħmir, ġustizzja u sostenn

Din l-istrateġija għandha miri li ssaħħaħ il-qafas leġislattiv diġà eżistenti ta’ kontra t-traffikar uman. Tul is-seba’ snin li ġejjin l-għan huwa li tiżdied u taħdem b’mod effettiv ħidma istituzzjonali u soċjali biex jitkisser iċ-ċirku tat-traffikar uman. Dan billi b’mod effettiv ikunu indirizzati r-riskji li jinqabdu vittmi ta’ traffikar uman; prevenzjoni; tagħmir tal-aġenziji bl-għodda meħtieġa inkluż intelliġenza ħalli jonqos it-theddid identifikat; niżguraw li t-traffikanti jiffaċċjaw ġustizzja għar-reati; tagħhom u li nipprovdu s-sostenn kollu meħtieġ lill-vittmi. 

Barra l-edukazzjoni lit-tfal fl-iskejjel, l-għarfien pubbliku u t-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam, din l-istrateġija tindirizza affarijiet kruċjali oħra importanti fosthom iffaċilitar tal-immigrazzjoni legali biex ikun evitat sfruttament ta’ ħaddiema barranin; qafas legali li jippermetti lill-Pulizija jinvestigaw u jispezzjonaw postijiet mhux liċenzjati li dwarhom ikun hemm suspetti qawwija li hemm traffikar uman fosthom il-message parlours; kollaborazzjoni ma’ kumpaniji tat-teknoloġija biex niġġieldu t-traffikar u sfruttament iġġenerat online; identifikazzjoni tal-vittmi; miżuri min-negozji kontra t-traffikar tal-bnedmin; żieda ta’ shelters għall-vittmi; għajnuna legali fattwali b’xejn għall-vitttmi, garanzija ta’ kumpens għal dawk li jkunu sofrew tali abbuż u titjib fl-approċċ kontra t-traffikar tat-tfal b’mod komprensiv, multidixxiplinarju u proattiv.

Ekonomija

Sport