Proprju llum se ssir l-aktar elezzjoni ġenerali importanti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Dik fl-Ungerija. Il-koalizzjoni fil-gvern immexxija mill-FIDESZ, li hi mexxija minn Viktor Orban, qed tiffaċċja l-aktar sfida sinifikanti għat-tmexxija tagħha minn meta l-istess Orbán ħa t-tmexxija fis-sena 2010. Is-sitwazzjoni tidher waħda fejn l-Oppożizzjoni, immexxija minn Péter Magyar tinsab f’pożizzjoni li toffri sfida qawwija lil Orban.
Filfatt l-indikazzjonijiet huma li Peter Magyar għandu vantaġġ. Il-mistoqsija li trid issir imma hi dik ta’ jekk Magyar hux se jwassal biex il-vantaġġ konsiderevoli tiegħu isarrfu f’rebħa elettorali fit-12 ta’ April.
Rebħa għal Magyar tfisser tmiem tar-renju ta’ Orbán. Ifisser ukoll li dan jiftaħ ukoll il-bieb għall-bdil fil-politika Ungeriża. Bdil fil-politika mħaddma mill-Ungerija ilu mixtieq u mistenni b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea.
Jekk Orbán, li fl-aħħar jiem ingħata palata mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u minn J. D. Vance, jirnexxilu jiżgura mandat ieħor fil-gvern, aktarx iwassal biex hu ikompli jitbiegħed mill-politika Ewropea u l-futur ta’ l-Ungerija fl-Unjoni Ewropea se jsir dejjem aktar inċert.
Wieħed irid jgħid li s-sinifikat ta’ din l-elezzjoni ma jieqafx mal-fruntieri tal-Ungerija. Minħabba l-attitudni kontroversjali u spiss negattiva tal-politika Ungeriża ta’ Orban, fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar snin, bidla fil-gvern ikollha impatt ukoll fuq il-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq il-kapaċità tagħha li tieħu deċiżjonijiet u azzjoni dwar materij ta’ prijorità.
Fl-aħħar snin rajna lil Ungerija titbiegħed sew mill-politika Ewropea. Orban għamel konċentrazzjoni kostanti tal-poter. Mexxa id-dgħufija tal-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali, ħataf il-midja taħt idejh u mexxa kampanji sħaħ kontra dawk emarġinati fosthom l-immigranti. Jekk wieħed isegwi il-kontroversji fl-Ungerija wieħed isib li joħroġ ħafna l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku u l-fondi tal-Unjoni Ewropea ġew diretti biex isaħħu ċ-ċrieki ta’ dawk l-aktar qrib tiegħu u jikkonsolidaw il-klijentela tal-FIDESZ. Dawk leali tqiegħdu f’pożizzjonijiet ewlenin fl-istituzzjonijiet tal-Istat, il-korpi regolatorji u l-kumpaniji pubbliċi – ħafna minn dawn jestendu ferm lil hinn miċ-ċiklu elettorali biex jiżguraw influwenza fit-tul irrispettivament mir-riżultati elettorali futuri.
Din l-elezzjoni hi opportunità ġenwina għal bidla fir-reġim. Għalkemm wieħed jista’ jifhem li dan mhux faċli għax l-ambjent tal-kampanja, ir-riżorsi tal-gvern, l-influwenza tal-midja u l-kapaċità tal-messaġġi kkonċentrati b’mod qawwi fuq naħa waħda. Dawn għalhekk iħallu l-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni esposta primarjament għal narrattivi favur il-gvern.
M’hemmx dubju li din hi elezzjoni importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea. L-unanimità meħtieġa f’partijiet mit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea tagħti lil kull stat membru setgħa konsiderevoli biex isawwar – jew jimblokka – azzjoni kollettiva. F’dawn l-aħħar snin, l-Ungerija ripetutament użat dan biex tittardja jew tostakola deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi, inkluża l-politika ta’ sanzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet tal-politika barranija u l-assistenza lill-Ukrajna. Filwaqt li n-nuqqas ta’ qbil fost l-Istati membri huwa normali fi kwalunkwe unjoni ta’ pajjiżi sovrani, imblokk sostnut minn gvern wieħed, u l-abbuż biex jintlaħaq kunsens għandu konsegwenzi sproporzjonati għall-abbiltà tal-Unjoni Ewropea li taġixxi b’mod kollettiv u ssaħħaħ ir-rilevanza tagħha fil-qasam internazzjonali.
Hemm il-biża’ li konsolidazzjoni ta’ dan il-mudell politiku tista’ ssaħħaħ kurrent illiberali li għadhom qegħdin jiżviluppaw f’partijiet oħra tal-kontinent. L-awtokraziji jitgħallmu minn xulxin u jappoġġjaw lil xulxin, irrispettivament mid-differenzi ideoloġiċi jew oħrajn tagħhom, u jiffurmaw “netwerk globali ta’ konvenjenza”.
Bil-maqlub, bidla fit-tmexxija politika tal-Ungerija tista’ tindika li sistemi bħal dawn jibqgħu vulnerabbli għall-bidla demokratika..
Irrispettivament mir-riżultat, il-każ tal-Ungerija joffri diversi lezzjonijiet importanti lill-Unjoni Ewropea u l-burokratiċi fi Brussell.
Fost dawn hemm li l-Unjoni Ewropea trid tikkonfronta d-devjazzjonijiet interni persistenti mill-prinċipji ewlenin tagħha b’mod aktar dirett u konsistenti. Għal ħafna snin, l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet Ewropej spiss ippreferew jittrattaw ir-rigress demokratiku fl-istati membri b’kawtela, bit-tama li impenn u djalogu gradwali jsolvu t-tensjonijiet.
L-evitar ta’ konfrontazzjonijiet diffiċli jippermetti li prattiċi problematiċi jsiru aktar b’saħħithom, normalizzati u politikament reżiljenti. Barra minn hekk, jistgħu jinkoraġġixxu lil oħrajn biex jimxu fl-istess triq.
Fl-aħħar nett, it-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropew innifsu jeħtieġ riformi, aġġustament istituzzjonali. F’oqsma ta’ importanza strateġika kritika – partikolarment il-politika barranija u s-sanzjonijiet – id-dipendenza eċċessiva fuq l-unanimità tħalli lill-Unjoni vulnerabbli għall-paraliżi. L-esplorazzjoni ta’ mekkaniżmi li jippreservaw is-sovranità nazzjonali filwaqt li jipprevjenu li jżommu sistema ostaġġu u li ma tistax tieħu deċiżjoni, għandha ssir prijorità.

