Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump temm ħesrem u b’mod immedjat in-negozjati kummerċjali kollha li kienu qed isiru mal-Kanada minħabba li ħa għalih bil-publikazzjoni ta’ reklam li jikkritika t-tariffi li hu kien impona fuq il-Kanada.
Ir-reklam, li kien ikkummissjonat mill-gvern tal-provinċja ta’ Ontario fil-Kanada, jikkwota lill-eks president Ronald Reagan, ikona tal-konservatiżmu tal-Istati Uniti, meta qal li t-tariffi jagħmlu ħsara lil kull Amerikan.
Fir-riklam ta’ minuta ppubblikat il-ġimgħa li għaddiet, il-vuċi ta’ Reagan tinstema’ tirrakkonta fuq stampi li jinkludu l-Borża ta’ New York u krejnijiet imżejna bil-bnadar kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-Kanada. Il-filmat jieħu siltiet minn diskors tar-radju nazzjonali tal-1987 minn Reagan li ffoka fuq il-kummerċ barrani.
L-amministrazzjoni ta’ Trump fix-xhur li għaddew imponiet tariffa ta’ 35% fuq ħafna importazzjonijiet Kanadiżi, kif ukoll tariffi individwali mmirati lejn industriji partikolari bħall-manifattura tal-karozzi u tal-azzar. Ontario ntlaqat b’mod partikolarment ħażin minn dawn.
Trump kien ippermetta eżenzjonijiet għal oġġetti li jaqgħu taħt ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Messiku u l-Kanada li nnegozja matul l-ewwel mandat tiegħu. Iżda l-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney, minn mindu ġie elett aktar kmieni din is-sena, ipprova jilħaq ftehim li jtaffi t-tariffi tal-Istati Uniti.
Dan li kien qed jipprova jagħmel Carney ġie kkumplikat mill-Prim Ministru ta Ontario Doug Ford, li huwa wieħed mill-aktar kritiċi vokali tat-taxxi imposti fuq il-kumpaniji Amerikani li jixtru prodotti Kanadiżi.
Tariffi għoljin inevitabbilment iwasslu għal ritaljazzjoni minn pajjiżi barranin u l-bidu ta’ gwerer kummerċjali ħarxa. Is-swieq jiċkienu u jikkollassaw, in-negozji u l-industriji jagħlqu u miljuni ta’ nies jitilfu l-impjieg tagħhom jingħad li kien qal Ronald Reagan.
Il-Fondazzjoni Ronald Reagan – li hija inkarigata mill-preservazzjoni tal-wirt tiegħu – ħarġet stqarrija nhar il-Ħamis li tgħid li r-riklam “jirrappreżenta ħażin” id-diskors tal-eks president Reagan, mingħajr ma speċifikat għaliex, u akkużat lill-gvern ta’ Ontario li ma talabx permess biex juża u jeditja r-rimarki.
Trump irrefera għal din id-dikjarazzjoni, u qal li l-filmat kien iddisinjat biex jinterferixxi mad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti f’Novembru li ġej dwar jekk it-tariffi kbar ta’ Trump fuq prodotti ta’ ħafna nazzjonijiet humiex legali.
Id-deċiżjoni tal-qorti tirrappreżenta l-akbar test għall-awtorità presidenzjali ta’ Trump u l-politika ekonomika distintiva tiegħu, li potenzjalment iġġiegħel lill-Istati Uniti tagħti lura biljuni miġbura f’tariffi.

