Saturday, December 21, 2024

Taħfer lis-sieħeb tagħha wara li taha daqqa ta’ sieq… tgħid li dan kien “inċident ta’ darba”

Aqra wkoll

Mara li qalgħet daqqa ta’ sieq mis-sieħeb tagħha “f’inċident li seħħ ta’ darba” wara argument dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom talbet lill-Qorti biex twaqqaf il-proċeduri kriminali kontra “missier li jħobb liż-żewġt itfal tagħhom.”

Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, il-mara talbet biex jitwaqqa’ l-każ kontra s-sieħeb tagħha peress li din kienet l-unika darba li seħħ dan l-inċident f’aktar minn 25 sena li ilhom flimkien.

Ir-raġel ta’ 42 sena kien qed jaffaċċja proċeduri kriminali talli weġġa’ ħafif lill-mara u allegatament żamma kontra l-volontà tagħha wara li sakkarha fil-kamra tas-sodda u li heddidha. L-inċident seħħ nhar is-16 ta’ Mejju li għadda.

Il-mara qalet li ma xtaqitx tixhed kontra s-sieħb tagħha u riedet tirtira r-rapport li kienet ressqet kontra wara l-inċident filwaqt li ħafritlu ta’ dak li għamel.

Il-Maġistrat Critien semgħet ukoll lill-mara tiddikjara li l-imputat kien missier li tassew iħobb u ta’ rispett. Il-Qorti laqgħet it-talba u ddikjarat li l-każ ma jkomplix.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar mentri l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għar-raġel. L-Avukat Jacob Magri deher parte civile għall-mara.

Ekonomija

Sport