Thursday, April 2, 2026

Taħriġ bla ħlas mill-OHSA għall-għaqdiet volontarji, soċjokulturali u mhux governattivi

Aqra wkoll

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) qiegħda tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn is-saħħa u s-sigurtà b’estensjoni ta’ taħriġ bla ħlas li se jkun qiegħed jiġi offrut ukoll għall-għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet soċjokulturali mhux governattivi.

Din l-inizjattiva hija parti minn viżjoni ċara li tiżgura li l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ma tkunx limitata biss għal xogħol imħallas, iżda tinkludi wkoll il-volontarjat, kif previst fl-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol li daħal fis-seħħ fl-2024.

“Meta ninvestu fil-voluntiera, inkunu qed ninvestu direttament fil-komunitajiet tagħna. Dan huwa investiment fin-nies li jagħtu servizz b’dedikazzjoni u li jistħoqqilhom ambjent sigur u protett,” sostna l-Ministru Jonathan Attard.

Permezz ta’ investiment massiċ allokat fil-Budget 2026, dan il-programm se joffri taħriġ prattiku, strutturat u aċċessibbli għal eluf ta’ voluntiera madwar Malta u Għawdex. Il-Ministru Attard kompla jgħid li din l-estensjoni tirrifletti impenn konkret lejn il-komunitajiet, billi tgħin biex jitnaqqsu r-riskji u titrawwem kultura ta’ prevenzjoni u responsabbiltà.

Il-Ministru Attard kompla biex jispjega li l-kors huwa strutturat b’mod prattiku u effettiv ibbażat fuq programm maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tiffoka fuq għarfien ġenerali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, prinċipji bażiċi li japplikaw għal kulħadd, irrispettivament mis-settur. It-tieni parti mbagħad toffri taħriġ speċifiku għal setturi differenti, sabiex il-parteċipanti jirċievu għarfien rilevanti għall-attivitajiet konkreti tagħhom, kemm jekk huma involuti fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, xogħol manwali, installazzjonijiet, jew attivitajiet komunitarji oħra.

Filwaqt li nnota li l-ewwel fażi ta’ dan it-taħriġ intlaqgħet tajjeb ferm mindu ġiet imnedija f’Jannar li għadda, b’mijiet ta’ applikazzjonijiet, il-Ministru temm iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet volontarji kollha sabiex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità u jkomplu jinvestu fil-ħiliet u s-sigurtà tal-membri tagħhom, għall-ġid tal-komunità kollha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar qalet li l-OHSA nediet l-estensjoni tat-taħriġ bla ħlas fuq is-saħħa u s-sigurtà biex issa jiġi offrut lil għaqdiet volontarji, entitajiet tal-Knisja, kunsilli lokali u NGOs. Huwa stmat li hawn aktar minn 1,800 organizzazzjoni volontarja reġistrata, b’għexieren ta’ eluf ta’ voluntiera attivi madwar il-pajjiż kollu.

“Importanti li l-volontarjat ikun imħares u li kull min jagħti s-sehem tiegħu jagħmel dan f’kundizzjonijiet siguri u dinjitużi. Dan qed isir bil-għan li jingħata sostenn u appoġġ lil dawk kollha li jaħdmu bħala voluntiera f’kull qasam. It-taħriġ bla ħlas mogħti mill-Awtorità huwa investiment dirett fil-komunità Maltija, sabiex jissaħħaħ is-settur tal-volontarjat,” sostniet Dr Cutajar.

L-inizjattiva qed titwettaq b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, fosthom il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Arċidjoċesi ta’ Malti biex jiġi żgurat li t-taħriġ jilħaq kemm jista’ jkun organizzazzjonijiet u individwi.

Fost dawk preżenti kien hemm iċ-Chairperson tal-OHSA Pierre Fava, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Dr Fleur Abela, il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, Justine Decelis – Uffiċjal Eżekuttiv mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u Stephanie Micallef – Uffiċjal mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport