Ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul u l-Fondazzjoni Richmond sabiex jitnieda programm ta’ taħriġ fis-saħħa mentali għall-ħaddiema. Dan il-ftehim għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-għarfien u l-appoġġ li jingħata fuq is-saħħa mentali, b’mod speċjali fost dawk li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness, u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u s-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele.
Dan il-programm se jinkludi żewġ tipi ta’ korsijiet: wieħed immirat lejn l-ambjent tax-xogħol u l-ieħor b’mod speċifiku għall-kura ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena. Il-korsijiet qed isiru fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta’ San Vinċenz de Paul, b’parteċipazzjoni obbligatorja għal nurses u charge nurses.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea spjega kif dan il-programm jirrifletti b’mod ċar kemm qed jieħdu bis-serjetà s-saħħa mentali fil-post tax-xogħol. “Qed nagħtu lill-ħaddiema tagħna l-għodda meħtieġa biex jidentifikaw u jindirizzaw sfidi mentali, speċjalment f’ambjenti sensittivi bħalma huma d-djar tal-anzjani. Din hija parti mill-ħidma tagħna sabiex nipprovdu mhux biss kura aħjar lir-residenti, iżda wkoll ambjent ta’ ħidma b’saħħtu għall-ħaddiema tagħna,” temm jgħid Dr Agius Galea.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Jorgen Souness qal li dan il-ftehim jirrappreżenta pass konkret lejn ambjent aktar sostenibbli u b’saħħtu għar-riżorsi umani. “Huwa l-għan tagħna li kull ħaddiem ikollu l-għodda biex jifhem u jindirizza l-isfidi tas-saħħa mentali b’mod professjonali u b’sensittività,” qal Jorgen Souness.
Il-programm mistenni jkompli matul is-sena kollha biex jinvolvi numru akbar ta’ ħaddiema, filwaqt li jżid il-kompetenzi u l-għarfien tas-saħħa mentali fi ħdan l-istituzzjoni.