Sunday, November 24, 2024

Taħriġ fit-Table Tennis għall-Persuni bil-Parkinsons ġol-Alpha Table Tennis Klabb

Aqra wkoll

Alpha Table Tennis Klabb qed tistieden lil nies li jgħixu bil-kundizzjoni tal-Parkinsons sabiex jingħaqdu magħha fis-sessjonijiet speċjalizzati tagħha. Dawn is-sezzjonijiet jagħmlu parti mill-proġett SIS li huwa iffinanzjat mill-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volontarjat bil-għajnuna tal-Ministeru tal-Inklużjoni u tas-Settur tal-Volontarjat (MIV). Dan il-proġett jipprovdi opportunita’ unika sabiex nies bil-Parkinsons igawdu mill-isport tat-table tennis li għandu numerużi benefiċċji fiżiċi u anke mentali.

Il-logħba tat-table tennis hija aktar minn sempliċi logħba; hija forma ta’ eżerċizzju ideali għal dawk bil-Parkinsons. Il-movimenti sottili u ritmiċi li tinvolvi il-logħba jistgħu jgħinu sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-id mal-għajnejn, il-bilanċ u l-movimenti bażiċi – li huma aspetti affetwati ħażin bil-kundizzjoni tal-Parkinsons. Il-prattika tat-table tennis b’mod regolari huwa ppruvat li jistimola l-attivita’ fil-moħħ, iżid il-funzjoni konjittiva u ibatti l-avvanz ta’ wħud mis-sintomi li jesperjenzaw nies bil-Parkinsons.

Apparti il-benefiċċji fiżiċi, l-isport tat-table tennis joffri ukoll opportunita’ għal skambju soċjali, li b’hekk inaqqas is-sens ta’ iżolazzjoni li ħafna nies li jgħixu bil-Parkinsons jistgħu jesperjenzaw. Li tidħol f’attivita’ ta’ grupp ikabbar sens ta’ komunita’ u ħbiberija, joffri għajnuna emozzjonali u fl-istess ħin jagħti lok għal ambjent li huwa bla periklu u li jilqgħak.

Il-kowċis dedikati ta’ Alpha Table Tennis Klabb, huma mħarrġa speċifikment sabiex jaħdmu ma’ nies bil-Parkinsons, u jadattaw l-eżerċizzju sabiex jilħqu l-abiltajiet ta’ kull persuna, filwaqt li jassiguraw esperjenza posittiva għal kulħadd. Dawn is-sezzjonijiet huma mhux biss opportunita sabiex iżżomm ruħek attiv imma anke sabiex tiltaqa’ ma’ oħrajn.

Ninkoraġġixxu individwi bil-Parkinsons sabiex joħorġu minn darhom u jesperjenzaw il-ferħ li jġib miegħu l-isport. Titilfux din l-opportunita’ sabiex tippruvaw it-table tennis u ittejbu is-saħħa tagħkom.

Biex tirriżerva sezzjoni bla ħlas, ikkuntattja lil Alpha TTK fuq 79288297 jew indirizz elettroniku [email protected]

Sport