Sunday, November 24, 2024

Taħriġ għall-membri eletti u amministrattivi tal-Gvern Lokali

Aqra wkoll

Il-membri eletti u amministrattivi tal-Gvern Lokali attendew għall-programm ta’ taħriġ bl-isem ‘Train the Trainer’. Dan il-programm ta’ taħriġ jagħmel parti minn sensiela ta’ attivitajiet u inizjattivi li qed jiġu organizzati fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex li qed jiġi ċċelebrat din is-sena.

‘Train the Trainer’ ġie organizzat mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-għan ewlieni ta’ dan il-programm ta’ taħriġ huwa li jipprovdi l-informazzjoni u l-għarfien meħtieġ lill-membri eletti u amministrattivi tal-kunsilli lokali u reġjonali fuq kif għandhom jesegwixxu r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-prinċipji ta’ governanza tajba.

Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li t-tagħlim u t-taħriġ huma għodda neċessarja li jgħinu biex tadatta u tindirizza bl-aħjar mod possibbli l-isfidi u l-bżonnijiet preżenti. Hija rrimarkat ukoll li t-taħriġ ħolistiku dwar il-governanza tajba għall-membri eletti u amministrattivi tal-Kunsilli Lokali huwa wieħed mill-għanijiet tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali.

“Permezz ta’ dan it-taħriġ diġà bdejna nimplimentaw dak li fassalna flimkien u niedejna ftit tal-ġimgħat ilu, l-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija faħħret lis-sindki, segretarji eżekuttivi, u l-imsieħba preżenti li attendew għal dan il-programm ta’ taħriġ u awgurat suċċess fl-implimentazzjoni tal-informazzjoni li ggwadanjaw mit-taħriġ.

Għal dan il-programm ta’ taħriġ kien hemm tlett kelliema ewlenin li jispeċjalizzaw fis-settur tal-governanza u l-public policy. Dawn kienu s-Sinjura Lia Magnaguagno miċ-Ċentru ta’ Kompetenza tal-Kunsill tal-Ewropa, u Dr Kurt Borg u Dr Luke Joseph Buhagiar, żewġ letturi mid-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta. Tkellem ukoll il-ġurnalist u storjografu Dr Charles Xuereb, fejn spjega fuq l-ewwel strutturi ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna u fuq il-governanza fil-gżejjer Maltin matul is-snin.

Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech qalet li l-integrità, l-etika, il-governanza tajba u l-ġid komuni huma pilastri fundamentali għall-amministrazzjoni tajba, b’mod speċjali fl-amministrazzjoni pubblika fejn ikunu involuti fondi u servizzi pubbliċi.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard qal li dan il-programm ta’ taħriġ huwa l-bidu ta’ sensiela ta’ taħriġ li ser ikun qed jingħata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għas-Segretarji Eżekuttivi, impjegati u membri tal-kunsilli lokali u reġjonali, li qed ikunu koordinati flimkien mal-Istitut tas-Servizzi Pubbliċi, kif ukoll b’kollaborazzjoni kemm mal-Università ta’ Malta u l-MCAST.

Sport