Saturday, December 28, 2024

Taħriġ mill-GWU dwar is-sensittivitá lejn persuni LGBTIQ+

Aqra wkoll

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi lbieraħ organizzat sessjoni ta’ taħriġ b’rabta ma’ diversi realtajiet li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom fuq il-postijiet tax-xogħol fosthom dwar il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali. Dan it-taħriġ ingħata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u sar fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta. 

Dan is-sit tkellem mas-Segretarju tat-Taqsima Kendrick Bondin li qalilna li dan it-taħriġ kien ukoll miftuħ għax-shop stewards fejn is-Segretarji tat-Taqsimiet rispettivi kienu infurmati b’dan u stednuhom sabiex jattendu għal dan it-taħriġ.  

“Dawn ir-realtajiet jistgħu jkunu f’kull post tax-xogħol. Għalhekk kien importanti li dan it-taħriġ ikun miftuħ għal kulħadd. Rajna x’inhuma l-ħtiġijiet legali, ir-realtajiet ġusti u etiċi li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom. Kien hemm diversi eżempji u flimkien iddiskutejna kif wieħed għandu jaġixxi f’sitwazzjonijiet bħal dawn,” qal is-Segretarju Bondin. 

Fis-sessjoni tal-bieraħ, ingħatat ukoll informazzjoni dwar fejn persuna mill-komunità LGBTIQ+ tista’ tirrikorri f’każ li tkun għaddejja minn xi sitwazzjoni partikolari, u dan jista’ jsir mhux biss fil-GWU imma anke f’ċentri speċifiċi li huma adattati għal dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet. 

Dan kollu jorbot mal-impenn tal-GWU li tkompli tkattar l-ugwaljanza kemm fil-GWU kif ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol u fl-istess ħin tinforma aktar dwar il-policies ta’ ugwaljanza li għandha u li tħaddan.

Preżenti għas-sessjoni ta’ taħriġ kien hemm ukoll is-Segretarju tal-GWU Josef Bugeja flimkien ma’ Segretarji ta’ diversi Taqsimiet. 

Ekonomija

Sport