Thursday, November 14, 2024

“Taħt il-PN kien hemm korruzzjoni fil-‘housing’”

Aqra wkoll

Isostni dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iddikjara fil-Parlament li huwa jemmen li taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm korruzzjoni anke fil-housing hekk kif numru ta’ proġetti, fosthom fl-Imtarfa u Santa Luċiija, spiċċaw b’konkrit li xpakka.

Huwa irrimarka dan waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament fis-seduta li matulha ġew diskussi l-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Awtorita tad-Djar għal din is-sena.

Galdes spjega kif fl-2013 Gvern Laburista sab madwar 3,000 persuna fil-‘waiting list’ tal-Awtorita tad-Djar u naqqas din il-lista b’madwar 500 waqt li matul l-aħħar snin ipprovdi postijiet lil nies oħra.

Huwa fakkar li għall-ewwel darba f’40 sena l-Gvern qed jagħmel proġett ta’ ‘housing’ waqt li għaddej b’manutenzjoni fuq ‘housing estates’ li għal snin twal tħallew fi stat diżastruż inkluż uħud li spiċċaw b’biċċiet minnhom jaqgħu.

Galdes irrefera għall-binja l-ġdida fis-Siġġiewi u sostna li huwa tal-mistħija kif il-PN qed jipprova jagħmel stigma fuq dawk li se jgħixu fihom meta fil-verita fost dawk li se jkunu qed jingħataw appartament hemm persuni li tkissrilhom iż-żwieġ liema persuni qed jiżdiedu kuljum.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ikkritika wkoll lill-PN talli meta kien fil-gvern kien għamel pjanti dwar proġetti ta’ ‘housing’ imbagħad ma wettaqhomx anke għax ma kellux il-finanzi biex jagħmel dan.

Kuntrarjament għal dan, Gvern Laburista mhux biss irranġa ‘housing estated’  eżistenti imma qed jara li jżid l-ammont ta’ binjiet biex fihom jgħixu nies li għal raġuni jew oħra ma jkunux f’pożizzjoni li jixtru proprjeta. 

Waqt li semma kif taħt il-Gvern Nazzjonalista l-‘housing’ kien mażżra m’għonqu, Galdes sostna li grazzi għall-ekonomija b’saħħitha ta’ dan il-gvern ittieħdu miżuri biex titwettaq ġustizzja soċjali.

Huwa irrimarka li l-PN baqa’ ħmar li flok joħroġ bi proposti joħroġ stejjer fil-mezzi tax-xandir biex jipprova jiskojra punti politiċi u anke irrimarka li tant kemm dan il-partit għandu kriżi eżistenzjali li qed jafda l-futur politiku tiegħu f’“dinosawru politiku”.

Ekonomija

Sport