Saturday, December 21, 2024

“Taħt pressjoni Bernard Grech ħarab, għajjat u ġab il-fatti ħżiena” – il-PL

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-intervista li saret dalgħodu lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Partit Laburista qal li Grech reġa’ wera x’tip ta’ politiku hu.

Fi stqarrija l-PL qal: “Jistieden lil min jintervistah, jaħrab milli jwieġbu u jintefa’ jgħajjat f’wiċċu. Imbagħad jieħu għalih jekk ikun hemm min jgħidlu politiku cheap!”

Il-PL qal li meta ġie mistoqsi fuq diversi suġġetti li huma relevanti għall-ħajja ta’ nies, Bernard Grech infexx għal darba wara oħra jgħajjar lill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-PL: “Hekk jagħmel min m’għandux fuqhiex jitkellem u lanqas il-fatti ma jġib sew. Biex nagħtu biss tliet eżempji: Bernard Grech qal li l-flus tal-pjan ta’ rkupru huma self. Mhu minnu xejn. Qal ukoll li t-toroq kollha qed isiru b’fondi Ewropej. Mhu minnu xejn. Qal ukoll li l-gvern ma ħariġx white paper dwar il-liġi tal-cannabis meta din ħarġet f’Marzu li għadda.”

Żied jgħid: “Filwaqt li baqa’ għaddej iwiegħed kollox lil kulħadd, ma kienx kapaċi jgħid imqar kemm se tiswa wegħda waħda minn dawk li għamel f’dagħdigħa biex jipprova jibda jiġbor xi ftit appoġġ.”

Wara dan kollu, il-PL temm jgħid li mhux ta’ b’xejn li ma’ kull jum li jgħaddi lil Bernard Grech, il-poplu qed jafdah inqas.

Ekonomija

Sport