“Minn dawk li kienu fuq is-sit fil-mument li waqgħet il-binja, l-aktar ħaddiem anzjan kien Lulzim Carku, li xehed li kellu 20 sena esperjenza fil-kostruzzjoni u li kien għamel kors tat-taħriġ f’pajjiżu l-Albanija. Skont ix-xhieda tiegħu din l-esperjenza kienet aktar fuq shutters u briks – li huma differenti minn ta’ Malta. Hu xehed li meta ġie Malta għamel kors ta’ nofs ta’ nhar f’xi post f’Ħal Qormi. Mhux ċar jekk dan il-post kienx xi stabbiliment liċenzjat biex jagħti dan it-taħriġ jew li joħroġ xi liċenzji. Filfatt Lulzim Carku lanqas ma seta’ jidentifika l-post fejn ħa dan it-taħriġ. Fi kwalunkwe każ, skont l-istess xhud, dan it-taħriġ kien l-aktar fuq sistemi ta’ armar għall-konkos. Hu xehed li fuq il-proġett ta’ Kordin hu ma tant ħadem fut ħitan u lanqas kien jaħdem hemm kuljum.”
Dan jirriżulta mir-rapport tal-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia dwar it-traġedja tal-waqgħa ta’ binja f’Kordin li fiha miet Jean Paul Sofia. L-inkjesta tlestiet tmien xhur wara l-inċident. B’kollox il-Maġistrat għamlet sittax-il seduta. Mir-rapport tal-Perit Alex Torpiano, li tqabbad mill-Maġistrat Farrugia, jidher li kien hemm ftit jew kważi l-ebda rbit bejn l-elementi tal-binja, f’dak li jirrigwarda ħadid li jgħaddi minn element għal ieħor.
Mir-rapport joħroġ li “Gentjan Carku xehed li hu ma kellu l-ebda taħriġ fil-kostruzzjoni, madankollu hu kien jaħdem fuq il-bini tal-ħitan tal-fabbrika ta’ Kordin, minn Lulu tas-sena 2022. Denis Carku koll xehed li ma kellux kwalifiki partikolari dwar il-kostruzzjoni. Hu xehed li ħadem fuq l-armar. Hu rilevat li dawn il-ħaddiema, kif ukoll Milomir u Marku Jovicevic, meta kien fuq il-kotba ta’ AllPlus Limited, kienu kollha reġistrati bħala mastrudaxxa. L-istorja tal-impjieg tagħhom, li għadda u anke wara l-kollass, minn AppPlus Limited għal MilMar Construction Limited, jkompli juri taħwid u manuvrar li żgur ma jassigurax id-drittijiet ta’ l-istess ħaddiema”.
Jingħad li “l-konsulent legali Claudette Fenech xehed li s-soċjetà MilMar Construction Ltd kienet iffurmata fis-16 ta’ Frar 2020, jiġifieri ftit xhur qabel ma’ beda l-iżvilupp inkwistjoni. Qabel dan, Milomir Jovicevic u anke Marko Jovicevic, kienu impjegati ta’ l-istess AllPlus Ltd. Louis Buhagiar, Senior Executive Jobs Plus, xehed li sas-6 ta’ Jannar tas-sena 2023, is-soċjetà kellha reġistrati 13-il ħaddiem fosthom Milomir Jovicevic mniżżel bħala ‘manager’, Dijana Joviceviċ, li kienet imniżżla bħala ‘administration’ u wara bħala ‘Construction Labourer’. Wara l-waqgħa tal-binja, Denis Parku ġie reġistrat ma’ Milmar Construction u Gentian Carku għadda minn AllPlus Ltd għal MilMar Construction wara applikazzjoni li saret lill-Identity Malta fis-7 ta’ Novembru tas-sena 2022. It-terminazzjoni ta’ l-impjieg ma’ AllPlus Ltd għandha d-data tat-2 ta’ Ottubru 2022 u r-reġistrazzjoni ma’ Jobs Plus li taret 24 ta’ April 2023, effettiv fis-7 ta’ Novembru 2022. Mhux ċar għaliex dawn il-manuvri fl-impjiegi”.
Ir-rapport tal-inkjesta jgħid li “skont ix-xhieda ta’ Dr Mark Gauci li hu l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) la darba jidher li s-sidien ma avżawx lill-OHSA, kif suppost, il-proġett ma waqgħax taħt ir-radar ta’ l-awtorità. Ma kien hemm l-ebda spezzjoni mill-uffiċjali ta’ l-awtorità, anke biex jaraw jekk is-sit kienx sigur għall-ħaddiema, jekk kien hemm l-ilqugħ meħtieġ, u jekk kellhomx l-ilbies protettiv li suppost kellhom. Għaldaqstant ma kien hemm ħadd biex jassigura li r-rekwiżiti ta’ L.S.424.36 jiġu sodisfatti. Ħarsa lejn ir-ritratti turi li l-ebda wieħed mill-ħaddiema ma qatt kien liebes xi ilbiex protettiv.”
Ir-rapport ikompli jgħid li “minħabba li s-sit kien f’qasam industrijali, ma kienx hemm bżonn ta permessi mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, bħal binjiet oħra. Kien hemm bżonn biss notifika, din hi għażla istituzzjonali li filfatt tinkoraġixxi il-perċezzjoni li ma kienx hemm bżonn ta’ ħafna kontroll fil-kostruzzjoni ta’ fabbriki fejn jaħdmu ħafna ħaddiema. Minħabba li ma kinitx binja li tmiss ma’ terzi, ma kienx hemm bżonn li japplikaw ir-rekwiżiti ta’ Avviż Legali 136 tas-sena 2019, li jinkludu Uffiċjal Tekniku tas-Sit u polza ta’ assigurazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-binja ma tantx kienet tidher fuq ir-radar ta’ l-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni (BCA), li għalhekk, matul sentejn u nos ta’ proġett, ma kienu qatt żaruha l-uffiċjali tagħha, anke skont ix-xhieda ta’ Sean Mizzi rappreżentant ta’ l-Awtorità minħabba nuqqas ta’ riżorsi.”
Jingħad li “x-xhieda ta’ Joseph Saliba, Kap tas-Sezzjoni tal-Liċenzji dwar il-proċeduri ta’ tiġdid tal-liċenzji tal-bennejja turi li din hi bbażata biss fuq il-ħlas tal-liċenzja u m’hemm l-ebda mekkaniżmu li tista’ tiġi evalwata il-kapaċità teknika, u speċjalment is-saħħa, ta’ bniedem li tkun diġa pensjonant, kif kien John Muscat, il-bennej iddikjarat fl-avviż tal-bidu, għalkemm ma ffirmax hu. Is-smiegħ tax-xhieda f’dan il-każ tagħti stampa ta’ tferfix u dilettantiżmu fl-industrija tal-kostruzzjoni, li ma tirriflettix is-serjetà u l-perikli tax-xogħol fuq is-sit.
Il-konklużjonijiet tal-inkjesta
Ir-raġuni prinċipali tal-waqgħa tal-binja kienet id-disinn strutturali tal-binja, li naqas li jikkonsidra kemm aspetti ta’ stabbiltà ta ħitan, skont l-istandards applikabbli, kif ukoll ta’ reżiljenza jew irbit ta’ l-istruttura, għal kontra kollassi katastrofiċi f’każ ta’ inċident. Il-konfigurazzjoni tal-ħitan u l-aperturi kbar, fuq iż-żewġ faċċata, wassal għal nuqqas ta’ kapaċità strutturali tal-ħajt twil tal-ġenb, li jiflaħ il-piżijiet ta’ fuqu. In-nuqqas ta’ irbit bidel dan in-nuqqas f’kollass totali u katastrofiku. Ma jirriżultax li l-perit Adriana Zammit għamlitx il-kalkoli neċessarji biex tassigura li d-disinn u l-ispeċifici kienu jassiguraw l-istabbilità tal-ħitan u tal-binja kollha. Allavolja l-unika pjanta bid-dettalji turi l-ħadid bejn il-planki, imkien ma jidhirx struzzjonijiet dwar kif dan il-ħadid kellu jittermina fuq il-ħitan, biex jipprovdi l-irbit meħtieġ. Allavolja hemm speċifikat il-ħadid fis-soqfa tal-konkos jew fit-travi, imkien ma hemm indikat kif dan il-ħadid kien se jintrabat, hekk kif meħtieġ mill-standards ta’ disinn biex il-binja ikollha r-reżiljenza meħtieġa, jiġifieri li, f’każ ta’ inċident f’parti mill-istruttura, ma jkunx hemm kollass katastrofiku.
“Il-pjanta tad-dettalji hi nieqsa kompletament minn apprezzament ta’ kif, fil-fatt, l-istess binja kellha tintrabat kollha flimkien. U, la ma kienx hemm l-istruzzjonijiet speċifici, dan l-irbit, bejn il-ħadid fil-planki u l-‘ispreader beam’ jew il-blajjet, jew bejn il-ħadid fis-soqfa u l-ħitan u travi, ma sarx”.
Ir-rapport tal-inkjesta jgħid ukoll li “l-perit Adriana Zammit naqset ukoll li tagħmel spezzjoni tal-proċess ta’ kostruzzjoni, biex tkun ċerta li l-ħaddiema u min kien qed imexxihom, jifhmu l-importanza ta’ ċerti dettalji ta’ kostruzzjoni u biex tkun ċerta li d-disisnn tagħha kien qiegħed ikun segwit fis-sħiħ, biex anke forsi tinduna aħjar il-bżonn ta’ xi tibdiliet fil-konfigurazzjoni tal-binja li kienet iddisinjat”.
Ir-rapport jgħid li “l-espert hu tal-opinjoni li l-Perit Adriana Zammit naqset li turi dik il-ħila u sengħa professjonali li hi meħtieġa, skont ir-responsabbilitajiet li assumiet bħala perit, fid-dawl ta’ l-Art.1638 tal-Kodiċi Ċivili tal-Liġijiet ta’ Malta. Bennej mgħallem, fuq is-sit, b’biżżejjed esperjenza biex jifhem is-sinifikat ta’ l-għoli u t-tul tal-ħitan u l-aperturi fihom u s-sinifikat ta’ l-irbit bejn iż-żewġ qoxriet ta’ ħajt dobblu, l-irbit bejn il-ħitan u l-irbit bejn soqfa u ħitan, hu importanti biex b’hekk jista’ jallerta l-perit dwar l-affarijiet li, skont hu, ma jkunux skont prassi għaqlija. In-nuqqas ta’ bennej bil-liċenzja jew kwalunkwe kwalifika formali oħra, fut is-sit, ċertament ikkontribwiet għal sitwazzjoni li wasslet għall-kollass. Mir-riżultanzi ta’ Joe Mallia, espert kaligrafiku, l-firma ta’ John Muscat kienet iffalsifikata minn Matthew Schembri, li mill-provi irriżulta li hu n-neputi ta’ John Muscat. L-espert għalhekk hu tal-opinjoni li Matthew Schembri naqas billi ffalsifika l-firma tal-bennej bil-liċenzja”.
Il-konklużjoni tgħid li “Matthew Schembri u Kurt Buhagiar konsegwentament naqsu li jappuntaw bennej bil-liċenzja, jew persuni bi kwalifiċi tekniċi ekwivalenti, biex imexxu x-xogħol fuq is-sit. Dan apparti l-fatt li m’għamlux in-notifiċi meħtieġa lill-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Kien ukoll l-obbligu tal-Perit Adriana Zammit li tassigura li kien imqabbad bennej bil-liċenzja, billi żżomm l-oriġinal ta’ l-Avviż tal-Bidu, kif ukoll billi tfittex tagħti struzzjonijiet lill-persona li suppost kienet fuq is-sit, li kellha s-sengħa meħtieġa. La darba ma ħatrux is-‘supervisor’ meħtieġ mir-Regolamenti, ir-responsabbilitajiet ta’ dawn ir-Regolamenti skont il-liġi waqgħu fuj il-klijenti, AllPlus Ltd u d-diretturi ta’ din is-soċjetà. Għalhekk il-ksur tar-regolamenti f’L.S 424.36 hi responsabbilità ta’ Matthew Schembri u Kurt Buhagiar. Dan jinkludi in-nuqqas ta’ stekkat effettiv, in-nuqqas ta’ tagħmir protettiv personali u n-nuqqas tas-senjaletika meħtieġa. Skont Regolament 10 tal-L.S 424.36, il-kuntrattur lanqas ma jista’ jibda xi xogħol qabel ma kun assigurat li kien inħatar is-‘supervisor’ tal-proġett skont Regolament 3 ta’ l-istess L.s424.36”.
Jingħad li “ma jirriżultax li Matthew Schembri kellu r-rekwiżiti tekniċi biex imexxi sit ta’ kostruzzjoni. Jidher li kien biss jagħmilha ta’ ‘conduit’ biex l-istruzzjonijiet tal-perit jaslu fuq is-sit u biex jordna il-materjali meħtieġa. Però lanqas hu ma kien ikun fut is-sit b’mod kontinwu u fil-fatt xehed li xi kultant kienu jibagħtulu ritratti biex jgħidulu fejn ikunu waslu bix-xogħol, – minn Settembru 2022 ‘l quddiem, dan il-persuna kien Jean Paul Sofia.”
Jintqal li “fil-mobile tal-vittma jidhru ħafna ritratti tal-progress tax-xogħol ta’ dan is-sit, u hemm skambji fil-mowbajl ta’ Jean Paul Sofia li juru li dawn ir-ritratti jew video kienu jiġu komunikati lis-sid tax-xogħol tiegħu Matthew Schembri, biex dan tal-aħħar jagħraf il-progress tax-xogħol. Dan ifisser li anke is-site manager kien isegwi is-sit bir-ritratti, bir-‘remote’”.
Ir-rapport jirrimarka li “jekk Jean Paul Sofia ma kienx wieħed mill-ħaddiema li kienu jaħdmu fut is-sit, kif seta’ jidħol u joħroġ, ġo u minn sit intrinsikament perikoluż, mingħajr ebda kontroll jew awtorizazzjoni u l-ebda tagħmir protettiv personali? L-impjieg ta’ ħaddiema li ma kellhomx esperjenza f’dan ix-xogħol hu nuqqas komm tal-kuntrattur li qabbadhom, kif ukoll tas-sistema, li waqt li tagħmel ħafna kontrolli fuq ħafna affrijiet, ma tagħmel l-ebda kontroll fuq min jaħdem fuq siti ta’ kostruzzjoni, li huma intrinsikament perikolużi”.
Fatti li seħħew wara l-inċident
L-inkjesta titkellem dwar fatti li seħħew wara l-inċident tgħid li “waqt li kienet qiegħda teżamina l-WhatsApp chats fil-mowbajl tal-perit Adriana Zammit, intebħet li ċ-chats li hemm bejn il-Perit Adriana Zammit u ċertu ‘Christian’ mit-3 ta’ Jannar 2023 ‘lquddiem, jindikaw li l-Perit Adriana Zammit bdiet titrasferixxi ammonti sostanzjali ta’ flus kif ukoll proprjetà immobbli lil terzi persuni, kif ukoll hi bdiet tara kif se tiddisponi mill-flus li għandha. F’dan l-istadju dan il-fatt fih innifsu ma jikkostitwix reat. Però, dan il-fatt jista’ possibbilment ikun rilevanti għall-futur fl-eventwalità li xi persuna jew persuni jiġu kanonizzati kredituri tal-Perit Adriana Zammit inkonessjoni ma’ dan l-inċident. Dan għax mill-istess chats hemm indizji li l-Perit Zammit għamlet dan biex tistultifika d-drittijiet ta’ kredenzjali potenzjali futuri. Allura fil-futur dan l-aġir tal-perit Zammit jista’, jekk ikun il-każ, jiġi investigat ulterjorment biex wieħed jara jekk jissostitwix reat ta’ frodi.”