Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech qalet li minkejja f’dawn l-aħħar snin it-Taqsima għaddiet minn diversi sfidi, it-Taqsima xorta waħda rnexxielha tkompli tikber u ssaħħaħ il-preżenza tagħha.
“Bħala Taqsima, ħdimna fuq numru ta’ Ftehimi Kollettivi li ġabu titjib fil-pagi, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, tajna għajnuna diretta lil dawk il-membri li kellhom bżonn l-appoġġ tagħna fuq livell individwali. It-Taqsima baqgħet ukoll attiva ħafna fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi,” kompliet tgħid Dimech.
Hija qalet ukoll li kienet għafsa ta’ qalb għaliha meta lejn l-aħħar ta’ Novembru, il-maniġment tal-kumpanija Medline, jew kif konna nafuha aħjar, il-Microtek, informa lill-ħaddiema li l-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom kellha tkun il-31 ta’ Diċembru 2025.
“Wara bosta taħditiet, bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali, id-Deputat Segretarju Ġenerali, l-Avukati Dr Aron Mifsud Bonnici u Dr Chris Vella u shop-steward Alison Grech, irnexxielna ninnegozjaw mal-kumpanija sabiex kull ħaddiem mhux biss jitħallas in-notice money, iżda wkoll jingħata severance package,” qalet Dimech.

