Il-Gvern għamel pass storiku li se jibqa’ mnaqqax fil-memorja kollettiva: il-bidu tal-proċess biex Manoel Island kollha kemm hi u l-Forti Tigné jerġgħu lura f’idejn il-familji Maltin u Għawdxin. Dan huwa riżultat ta’ negozjati twal, kumplessi u delikati, immexxija b’serjetà u determinazzjoni kif spjega l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici.
“Tajna kelma li nroddu lura Manoel Island kollha kemm hi u l-Fortizza ta’ Tigné lill-familji Maltin u Għawdxin u hekk se nagħmlu,” sostna l-Ministru Bonnici f’dikjarazzjoni li turi impenn politiku konkret li issa se jsir realtà permezz ta’ ftehim li tintemm konċessjoni ta’ 99 sena li kienet ingħatat fl-2000 lill-kumpanija MIDI minn Gvern Nazzjonalista.
Il-ftehim oriġinali ma kienx jinvolvi biss il-Ponta ta’ Tigné iżda wkoll Manoel Island kollha u l-Forti Tigné – żoni ta’ valur storiku, ambjentali u soċjali enormi. Għal snin twal, dawn l-ispazji kienu barra mill-użu pubbliku sħiħ, xi ħaġa li qanqlet diskussjoni u pressjoni minn diversi setturi tas-soċjetà.
Il-proċess biex din is-sitwazzjoni tinbidel ma kienx wieħed faċli. Il-kumpanija kienet qiegħda titlob €78 miljun bħala kumpens għal spejjeż li sostniet fosthom restawr tal-Forti Manoel u infrastruttura relatata. Madankollu, il-Gvern żamm sod u permezz ta’ negozjati twal, irnexxielu jasal għal ftehim ta’ €43 miljun, ammont li huwa prattikament ftit aktar minn nofs dak mitlub.
“Stajna m’għamilna xejn imma konna nonqsu lill-poplu bil-kbir”
Dan il-ftehim mhux biss juri kapaċità ta’ negozjar effettiva, iżda wkoll sens qawwi ta’ responsabbiltà fiskali. Skont prinċipji ta’ governanza tajba u kif spiss enfasizzat minn istituzzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, ftehimiet ta’ din ix-xorta għandhom jilħqu bilanċ bejn l-interess pubbliku u dak kummerċjali u dan il-każ miexi proprju f’dik id-direzzjoni.
Il-Ministru Bonnici kien ċar li l-alternattiva kienet tkun li ma jsir xejn jew li l-pajjiż jidħol f’battalja legali twila u għalja. Qal li, “stajna m’għamilna xejn imma konna nonqsu lill-poplu bil-kbir. Stajna dħalna fil-Qrati u ninqabdu f’kawżi li kienu jdumu snin. Enfasizza li dan kieku kien ikun ta’ detriment għall-poplu iżda, minflok, il-Gvern għażel li “jaqbad il-barri minn qrunu” u jasal għal soluzzjoni konkreta.
Elabora kif il-pass li jmiss issa huwa li r-riżoluzzjoni tgħaddi mill-Kumitat Parlamentari ta’ Verifika u sussegwentement, wara li l-kumpanija MIDI ttemm il-proċessi interni li jonqosha tikkonduċi, qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt finali. Sadanittant, “se naraw li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Patrimonju Heritage Malta tagħmel it-tħejjijiet meħtieġa biex mal-firma tal-kuntratt finali, tieħu l-pussess ta’ Manoel Island u l-Forti ta’ Tigne’”.
Il-Ministru Owen Bonnici filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Kabinett tal-Ministri tas-sostenn kif ukoll lill-Awtorita’ tal-Artijiet tal-ħidma professjonali u serja li wettqet, tenna li, “tajna kelma u se nżommuha. Dan huwa Gvern Laburista”.
Wegħda li għaliha l-Prim żamm kelmtu
Il-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnett u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjojni Jonathan Attard, ukoll laqgħu din l-aħbar bi pjaċir u rribattew li din hija wegħda mill-Prim Ministru Robert Abela li għaliha żamm kelmtu mal-Maltin u l-Għawdxin. Min-naħa tiegħu Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, iddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda “storika li tagħtina lura dak li huwa tagħna”.
Fost aktar kummenti pożittivi kien hemm dawk mill-Membri Parlamentari Laburisti Ray Abela u Katya De Giovanni. Abela aċċenna għall-fatt li, “din hija deċiżjoni li turi kif ekonomija b’saħħitha tista’ tinbidel f’investiment reali fil-kwalità tal-ħajja tan-nies”. Mentri, għal De Giovanni dan huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħna u fil-ġejjieni ambjentali tal-pajjiż.
“Tifkira ta’ dak li nistgħu niksbu flimkien”
Ir-reazzjonijiet għal din l-aħbar tat-Tnejn li għadda mogħtija mill-Prim Ministru Robert Abela, kienu pożittivi ħafna. Din il-viżjoni ta’ park nazzjonali hija allinjata ma’ xejriet internazzjonali li jippromwovu spazji miftuħa urbani għall-ġid tal-komunità, kif irrakkomandat ukoll minn entitajiet bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jenfasizzaw l-importanza tal-aċċess għall-ispazji ħodor għas-saħħa mentali u fiżika.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras sostna li “ninsab kburi li kelli parti żgħira f’din il-mixja flimkien mal-ħafna vuċijiet u organizzazzjonijiet li qatt ma waqfu jemmnu f’ dak li dan l-ispazju jista’ jfisser għal ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada”.
Filwaqt li saħaq fuq il-valur soċjali u ambjentali ta’ din id-deċiżjoni, Sciberras ippuntwalizza li, “din mhiex sempliċiment teħid lura ta’ art, imma xhieda ta’ komunità b’saħħitha u soċjetà ċivili li qamet biex tipproteġi l-wirt u l-futur ta’ Malta u li sabu Gvern Laburista kuraġġuż lest jirranġa l-iżbalji tal-ħaddieħor”.
Sciberras żied li dan is-suċċess huwa frott ta’ ħidma kollettiva bejn il-Gvern, is-soċjetà ċivili u l-komunità. Tenna li dan huwa eżempju ta’ kif Gvern Laburista kapaċi jisma’, jaġixxi u jwettaq.
Il-messaġġ li joħroġ minn din l-inizjattiva huwa li meta jkun hemm rieda politika u tmexxija soda, jistgħu jintlaħqu riżultati konkreti li jservu lill-poplu. Il-fatt li spazju ta’ valur kbir bħal Manoel Island se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku huwa pass li jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali u l-kwalità tal-ħajja.
Il-President tal-Partit Laburista temm jassigura li “fl-aħħar mill-aħħar il-Partit Laburista dejjem se jkun fuq in-naħa tal-poplu, lest li jibdel f’realtà l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tiegħu. Manoel Island mhux se jkun biss park nazzjonali għal kulħadd, imma fuq kollox se jservi ta’ tifkira ta’ dak li nistgħu niksbu flimkien”.
“Nistgħu nerġgħu ngawdu dak li snin ilu ġejna mċaħħda minnu”
Anke vuċijiet mill-komunità, bħal dik tas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex Max Zammit, jixhdu s-sentiment favur din l-aħbar. Huwa ddeskriva memorji ta’ tfulija u sens ta’ appartenenza li issa jistgħu jerġgħu jitgawdew minn ġenerazzjonijiet ġodda.
Fl-aħħar mill-aħħar dan huwa eżempju ta’ wegħda politika oħra minn Gvern Laburista li nbidlet f’azzjoni u riżultati konkreti. Il-Gvern mhuwiex biss wiegħed, iżda jwettaq. B’dan il-pass mhux biss qiegħed jingħata lura spazju fiżiku lill-poplu, iżda wkoll sens ta’ fiduċja f’politika li tasal.

