Saturday, December 21, 2024

“Tajna l-mija fil-mija fl-ewwel mija”

Aqra wkoll

Owen Bonnici b’messaġġ għall-ewwel mitt jum ta’ ħidma tiegħu bħala Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol… iwiegħed li dan għadu biss il-bidu

Miktub Minn Carmen Cachia        

Fl-ewwel mitt jum tal-kariga ġdida bħala Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici qal li minkejja s-sitwazzjoni bla preċedenti li għandna bħalissa minħabba l-Coronavirus, il-ħidma li saret kienet ukoll bla preċedent. L-isfida ttieħdet bħala opportunità u żdiedet l-enerġija biex jinfetħu l-bibien tal-opportunitajiet f’pajjiżna. It-tagħlim online, il-kwistjoni solvuta tal-LSEs II, il-bini u l-manutenzjoni tal-iskejjel, il-miżuri tal-eżamijiet u s-sostenn tal-impjiegi, fi kliem il-Ministru Bonnici stess, huma biss il-bidu ta’ ħidma preżenti li biha se nsawru d-dinja tal-futur.

“Fl-ewwel mitt jum rajna sfidi bla preċedent fejn tajna risposti u soluzzjonijiet bla preċedent. Minnufih rajna li l-edukazzjoni titkompla online biex uliedna ma jitilfux żmien prezzjuż li mhux se jerġa’ jiġi lura. Ġibna lil kulħadd flimkien biex naraw li, kemm jista’ jkun, nitilfu mill-inqas mill-mitt xahar ta’ edukazzjoni formali li wliedna jgħixu f’ħajjithom,” sostna Bonnici.

Wara li l-iskejjel f’Malta u Għawdex kellhom jagħlqu biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-Coronavirus, l-edukazzjoni f’Malta ma waqfitx u magħha tkompliet anke l-ħidma ta’ għajnuna għal dawk vulnerabbli fosthom it-tqassim tal-lunch li s-soltu kien isir fl-iskejjel, kif ukoll għajnuna lill-familji li ma kellhomx aċċess għall-internet fid-dar. 

L-edukazzjoni bla ħlas online tkopri l-istudenti kollha f’Malta u Għawdex u din il-miżura tagħti ċertezza u soluzzjoni mingħajr dewmien żejjed biex l-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom. Il-Ministeru, l-edukaturi, il-Grupp ta’ Ħidma, l-istudenti u l-ġenituri għaqdu l-forzi tagħhom biex flimkien it-tagħlim virtwali jkun suċċess u l-bidliet mhux mistennija fl-ambitu edukattiv, qegħdin iħallu l-frott tagħhom.

Rieda biex nirnexxu…

F’dan il-perjodu diffiċli madwar id-dinja kollha, ix-xogħol ta’ dan il-Ministeru ma waqafx fejn dawwar din l-isfida f’opportunità billi nieda għexieren ta’ proġetti ta’ manutenzjoni fl-iskejjel tal-Istat, kif ukoll tkompla l-bini ta’ skejjel ġodda b’investiment ta’ €40 miljun. Barra minnhekk ittieħdu miżuri li jagħtu soluzzjoni għad-diffikultajiet li nħolqu f’din is-sitwazzjoni fosthom li dik tal-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC. 

“Mitt darba kuljum inżomm f’moħħi li dak li qegħdin nagħmlu flimkien qegħdin nagħmluh għax  intom tajtuna l-fiduċja biex nagħmluh”

Owen Bonnici

Fl-ewwel mitt ġurnata saret ukoll ħidma fil-qasam tax-xogħol f’interventi biex ikunu sostnuti l-impiegi kemm tal-ħaddiema fl-edukazzjoni Governattiva u tal-Knisja, kif ukoll ta’ dawk ‘il fuq minn 2,100 ruħ li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni privata. 

L-għan wara l-ħidma sfieqa ta’ dan il-Ministeru huwa li jantiċipa u jwelled dak li se ngħixu fih għada. Fl-iskejjel uliedna u ulied uliedna jsibu t-tieni dar tagħhom, li tgħallimhom il-ħiliet biex isiru l-bennejja tal-ġejjieni bil-ħiliet li hemm bżonn fid-dinja tal-futur, li wħud minnhom għadhom qas biss ħolmu biha.

Il-Ministru Bonnici temm jgħid li, “mument wieħed ta’ kuraġġ isarraf f’mitt jum ta’ riżultati. Naf li kull jum li naħdmu flimkien jagħmel ħafna u ħafna differenza lil ħafna nies. Għalaqna flimkien l-ewwel mitt jum ta’ ħidma fis-setturi tal-edukazzjoni u x-xogħol. Din hija ħidma li ma tispiċċax fl-ewwel mitt ġimgħa, jew fl-ewwel elf jum, jew fil-ħajja ta’ din l-amministrazzjoni. Għandna r-rieda biex nirnexxu u fl-ewwel mitt jum imxejna ħafna ‘l quddiem. Dan għadu biss il-bidu”. 

Ekonomija

Sport