Sunday, December 29, 2024

“Tajniehom il-provvisti kollha biex inżommuhom komdi”

Il-Prim Ministru jixhed fil-kawża li fetħu immigranti li kienu nżammu fuq il-baħar waqt il-pandemija

Aqra wkoll

Il-Gvern għamel minn kollox biex l-immigranti li għal xi ġimgħat kellhom jitħallew bejn sema’ u ilma minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, ikollhom il-provvisti kollha essenzjali u kemm jista’ jkun jinżammu komdi.

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jixhed fil-kawża kostituzzjonali li fetħu numru ta’ immigranti kontra l-Gvern fejn qed jallegaw li l-libertà tagħhom ġiet miċħuda meta ġew trasferiti minn fuq id-dgħajjes tal-Forzi Armati ta’ Malta għal fuq dawk tal-Captain Morgain.

Dr Abela beda biex qal li l-operazzjoni tas-salvataġġ hi fdata lill-awtoritajiet responsabbli għal dak il-għan u bħala Prim Ministru kien jinżamm infurmat b’dak li jkun seħħ.

Huwa enfasizza li dawn l-immigranti kienu ġew salvati u saħaq li dak huwa l-obbligu li dan il-pajjiż iwettaq ta’ kuljum permezz tal-Forzi Armati u ċ-Ċentru li jikkordina s-salvataġġ. Qal li d-deċiżjoni li jiġu trasferiti għal fuq id-dgħajjes tal-Captain Morgain kienet waħda kollettiva ta’ Gvern.

Il-Prim Ministru fakkar il-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni, fejn f’April tal-2020 konna f’perjodu ta’ emerġenza li dan il-pajjiż u d-dinja qatt ma raw bħalha. Qal li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienet eżerċitat is-setgħat mogħtija lilha bil-liġi u kienet iddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika.

Fakkar kif l-ajruport u l-portijiet kienu magħluqin għajr għal xi merkanzija li kienet essenzjali. “Id-deċiżjoni trid titqies f’dawk iċ-ċirkostanzi. Minkejja dan kollu l-obbligu tagħna li nsalvaw il-ħajjiet qatt ma traskurajnieh, lanqas għal siegħa waħda biss. L-unika bażi tad-deċiżjoni kienet l-emerġenza tas-saħħa pubblika dikjarata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika,” qal il-Prim Ministru.

“Dakinhar kellna l-għażla li jew jintilfu l-ħajjiet jew insalvaw il-ħajjiet bir-restrizzjonijiet imposti fuqna mill-pandemija. Dawn ir-restrizzjonijiet kienu perjodu ta’ sagrifiċċju li kull wieħed u waħda minna għexu.”

Dr Abela tenna li l-Gvern għamel minn kollox biex iżomm lil dawn il-persuni komdi. Qal ukoll li dakinhar ma kienx hemm soluzzjoni alternattiva minħabba li ċ-ċentri kienu kollha mimlija. Fl-istess waqt, il-Gvern kien beda ħidma parallela ta’ rilokazzjoni u anke kien iffirma ftehim mal-Libja dwar l-immigrazzjoni.

“Żammejna sodi f’diversi aspetti. Konna dak il-pajjiż li ospitajna l-immigranti minkejja ċirkostanzi diffiċli li kellna. Provdejna dgħajjes u s-servizzi kollha biex inżommuhom komdi imma fuq kollox żammejna sodi dwar il-fatt li pajjiżna kien qed jirrinfaċċja piż sproporzjonat.”

Huwa kien mistoqsi wkoll dwar il-fatt li dawn l-immigranti kienu tħallew jidħlu f’Ġunju tal-2020. Huwa wieġeb li “kien hemm il-bidliet u ċ-ċirkostanzi nbidlu wkoll. Kien dak l-ewwel mument li fih dan il-pajjiż seta’ jakkomoda iżjed persuni. Mal-mument li kellna dik il-faċilità, allura n-nies setgħu jidħlu.”

Ekonomija

Sport