Friday, November 15, 2024

Tajra protetta tinqatel f’pajjiżna wara vjaġġ tul 10 pajjiżi Ewropej

Aqra wkoll

Kuċċarda li faqqset fil-Finlandja aktar kmieni dan is-sajf u li kienet qed tiġi segwita permezz tal-GPS bħala parti minn proġett ta’ riċerka post-dottorat li kien qed jistudja x-xejriet tal-passa tal-Kuċċard, inqatlet b’tiri ta’ senter nhar is-Sibt viċin ir-Rabat, Malta. 

Investigazzjoni mill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-pulizija, assistita minn uffiċjali ta’ BirdLife Malta b’kollaborazzjoni ma’ riċerkaturi xjentifiċi bbażati fil-Ġermanja u l-Finlandja, wasslet biex jiġi identifikat il-post eżatt fejn kien jinsab l-għasfur maqtul, u b’hekk setgħet tiġi rkuprata l-karkassa ta’ din it-tajra tal-passa. 

Il-ferħ ta’ Kuċċarda, speċi protetta, kienet tifforma parti minn proġett immexxi mir-riċerkatriċi Elham Nourani mill-Max Planck Institute of Animal Behavior u s-Centre for the Advanced Study of Collective Behaviour fil-Ġermanja. 

Intitolat “Ontogeny of soaring flight”, l-istudju qed jinvestiga x-xejriet tal-passa ta’ frieħ li jħallu l-Finlandja u l-Iżvizzera u jekk l-għasfar żgħar isegwux lill-adulti, lil xulxin, jew inkella sempliċiment joqogħdu fuq l-istint naturali u l-esperjenzi tagħhom stess. 

B’kollox 25 għasfur mill-Finlandja twaħħlitilhom tag tal-GPS minn riċerkaturi barranin u bird ringers oħra lokali, waqt li sitt għasafar oħra twaħħlilhom GPS tracker mis-Swiss Ornithological Institute tal-Iżvizzera. L-istudju jikkumplimenta inizjattivi oħra simili matul is-snin u li qed jitfgħu dawl fuq il-vjaġġi spettakolari li jagħmlu dawn l-għasafar. 

Informazzjoni preċiża mill-apparat tal-GPS tal-għasfur li waslet għand BirdLife Malta wara li sar kuntatt mar-riċerkaturi ma damitx ma qanqlet dubji dwar il-benesseri tal-għasfur li ma baqax jiċċaqlaq fuq l-inħawi ta’ Ġnien il-Kbir barra r-Rabat, ftit mijiet ta’ metri ’l bogħod mill-Buskett, li huwa Santwarju tal-Għasafar. 

Aktar tagħrif dwar il-movimenti tal-għasfur imbagħad ġiet mgħoddi lill-uffiċjali tal-EPU u dan wassal għas-sejba tiegħu fi ġnien ta’ dar privata fejn l-għasfur niżel wara li sparawlu. Eżami post-mortem li sar mill-veterinarji kkonferma l-preżenza ta’ ċomb oħxon fil-ġisem tal-għasfur bħala l-kawża tal-mewt tiegħu. 

Ekonomija

Sport