Id-difensur lemini ta’ Arsenal, Takehiro Tomiyasu, qed jirkupra minn injury b’ritmu aktar mgħaġġel milli previst.
L-internazzjonali Ġappuniż sofra injury fil-pexxul f’Jannar, li eskludietu mill-aħħar erba’ partiti tal-Premier League flimkien mal-aħħar round ta’ partiti ta’ pajjiżu tal-fażi ta’ kwalifikajjzoni tat-Tazza tad-Dinja.
Tomiyasu żied fl-intensità fil-proċess ta’ ritorn tiegħu għall-Gunners, wara li dan l-aħħar eher f’filmati jiġri fit-taħriġ mal-istaff mediku.
Minn mindu ngħaqad mal-Gunners mingħand Bologna bi ħlas ta’ madwar £20 miljun matul is-sajf, Tomiyasu għamel 16-il dehra fil-kampjonat għat-team ta’ Mikel Arteta, fejn beda kull waħda minn dawn il-partiti.
Il-club għad irid iħabbar jekk id-difensur lemini hux se jkun tajjeb biex ikun fl-iskwadra fi tmiem il-ġimgħa, filwaqt li l-attakkant Gabriel Martinelli se jiskonta sospensjoni wara li fl-aħħar partita tkeċċa kontra Wolves.