Tuesday, July 15, 2025

Takkuża lill-eks tagħha li taha daqqiet u korriet it-tarbija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 34 sena residenti Raħal Ġdid, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li l-allegat vittma f’rapporta li għamlet qalet li nhar is-Sibt li għadda heddidha li se jpattihielha u li se jisparalha.

Fil-Qorti ntqal li fis-7 ta’ Lulju li għadda, f’rapport simili lit-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, l-eks sieħba tal-imputat allegat li f’argument ieħor kien heddidha li se jagħmlilha “ċertu vendikazzjonijiet”.

Hija kienet akkużatu wkoll li fl-aħħar ta’ Mejju li għadda meta kienet tqila, taha xi daqqiet u minħabba f’hekk, allegatament, korriet it-tarbija. Ir-raġel ġie mixli wkoll li kkaġuna biża’ lill-eks sieħba tiegħu li se tintuża vjolenza kontriha, li għamel użu mhux xieraq t’apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Għal dawn l-akkużi, l-imputat wieġeb mhux ħati. L-avukati difensuri għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalu li l-allegat vittma kienet tkellmet lill-imputat u qaltlu li fl-akkużi “m’hemmx akkużi ta’ feriti”.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba tad-difiża fejn qalet li l-imputat “għandu karattru raffrettarju” kif ukoll għax l-allegata vittma għad trid tixhed.
Wara li sema’ liż-żewġ naħat, il-Maġistrat ordna li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat anke minħabba l-fatt il-fedina penali tiegħu u d-diversi akkużi t’allegat ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit. Għall-parte ċivile dehret l-Avukat Yanika Barbara Sant.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport