Hekk kif Iżrael u l-Istati Uniti komplew l-attakki fuq il-kapitali Iranjana, Tehran, żewġ residenti bagħtu messaġġi lill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC b’dak li kien qiegħed iseħħ.
Iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala “tal-biża’… veru tal-biża’…”
“Qiegħed nisma l-isplużżjonijiet… mhux ċert jekk hux widnejja qegħdin jisimgħu l-ħsejjes tal-isplużżjonijiet jew inkella huma realtà….” kiteb raġel ta’ madwar 30 sena f’messaġġ li bgħat lil BBC.
Jgħid li ma għadux kuntent li jista’ jinbidel ir-reġim… “Għajjien ħafna… ninsab konfluż dwar dak li jista’ jiġri,” kiteb raġel ieħor ta’ madwar 20 sena f’messaġġ li bgħat lil BBC.
“Illum (it-Tlieta) seħħew mill-inqas 30 splużżjoni. L-affarijiet sejrin għal agħar ma’ kull minuta li tgħaddi. Id-dar tiegħi intliet bid-duħħan ta’ waħda mill-isplużżjonijiet… Meta taħseb li se tieqaf din il-gwerra? Se tieqaf din il-gwerra? Min jaf? Aħna rridu l-paċi,” kompla jikteb ir-raġel ta’ madwar 20 sena.
Hu kompla jgħid li l-isplużżjonijiet huma fil-qrib ħafna tad-dar tiegħu. “Ma naf l-ebda uffiċjal tar-reġim jgħix hawn fil-qrib. Naf lil kulħadd min jgħix hawn… żgur li qegħdin jitfgħu l-bombi fuq l-uffiċjali tar-Reġin?,” staqsa r-raġel f’messaġġ li bgħat lill-aġenzija internazzjonali BBC.



