Saturday, November 23, 2024

Tal-Convenience b’website minn fejn tista’ tagħmel ix-xirja online

Aqra wkoll

L-ewwel nett, tista’ tgħidilna x’effett kellha l-COVID-19 fuq in-negozju tagħkom? Peress li intom xorta bqajtu toperaw bħal qabel, xorta kellha effett fuqkom?

Bla dubju iva, il-Covid-19 kellu effett ukoll fuqna. Għalkemm bqajna noperaw u nista’ ngħid li l-bejgħ baqa’ dejjem hemm, innutajna li kien hemm inċertezza. In-nefqa tal-klijenti tagħna kienet qed tkun aktar limitata u n-nies bdiet tixtri aktar l-affarijiet bażiċi u tal-bżonn. Xi ftit mill-ħwienet kellna nibdew nagħlquhom qabel mill-ħinijiet tas-soltu sabiex innaqqsu l-ispejjeż u wara kollox sabiex naċċertaw l-impieg tal-ħaddiema tagħna .

X’miżuri ħadtu biex tipproteġu lill-ħaddiema u anke lill-klijenti tagħkom?

Addattajna mill-ewwel għas-sitwazzjoni, dejjem taħt il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa rajna kif nipproteġu lill-ħaddiema bl-aħjar mod possibli. Fil-ħwienet, żammejna social distancing , u bdejna ndaħħlu mhux aktar minn tliet persuni, sanitisers u face mask għal kull ħaddiem u perspex shield għal kull cash point. Kull ħaddiem irid jiffirma li ħasel idejh kull kwarta, u fil-jiem li ġejjin ser tidħol miżura oħra fejn se nkunu qed nirċievu apparat apposta sabiex tiċċekkja t-temperatura lill-ħaddiema.Kull persuna li tidħol fil-ħanut trid tkun liebsa l face mask. Ordnijiet mingħand is-suppliers tagħna setgħu jittieħdu biss bit-telefon, sabiex nevitaw aktar persuni fil-ħwienet. Bqajna nkunu konvenjenti kemm jista’ jkun mal-klijenti tagħna. Bdejna mill-ewwel noffru deliveries b’xejn lil min hu vulnerabbli u lil dawk li kienu taħt kwarantina, b’garanzija li jkollhom ix-xirja mwassla d-dar tagħhom fl-istess ġurnata li jkunu għamlu l-ordni. Ħadna r-responsabbiltà wkoll biex lil dawn in-nies nieħdu ħsieb li l-prodotti tagħhom jiġu kollha mimsuħa qabel jitwasslu għandhom, u ovvjament jitwasslu lilhom mingħajr kuntatt.

Kellkom tieħdu miżuri li tnaqqsu xi ħaddiema minħabba din il-kriżi?

B’wiċċna minn quddiem ngħidu li ma waqqafna l-ebda ħaddiem . Filfatt il-kumpanija hija waħda mill-ftit li rnexxilna nżommu lill-ħaddiema kollha. Dawwarna r-rosters għall kull ħanut biex inkunu żguri li kull ħaddiem ma jaqbizx ċerti sigħat minħabba prevenzjoni u sabiex nissalvagwardjaw kull ħanut kif ukoll il-kumpanija.

Sibtu metodi ġodda kif toperaw peress li l-kuntatt fiżiku kellu jonqos f’dawn il-ġimgħat?

Minbarra l-metodi li diġà semmejt, għadna kif ftaħna uffiċjalment “the convenience online express deliveries” permezz tal-websajt tagħna, fejn issir l-għażla tax-xirja onlajn, b’garanzija li titwassal id-dar sa mhux aktar minn sagħtejn wara. Nemmnu ħafna li b’din l-inizzjattiva se nkunu aktar effiċjenti għall-klienti tagħna kemm f’din is-sitwazzjoni kif ukoll ’il quddiem meta kollox jerġa’ jiġi għan-normal. Permezz tal-online express delivery, il-klijenti tagħna għandhom kuntatt individwali magħna bħalma għandna f’kull ħanut. Dan huwa vantaġġ fuq il-klijenti kollha għax kif jagħmlu x-xirja tagħhom onlajn qed ikollhom attenzjoni immedjata. Dan stajna nagħmluh grazzi għall-ħwienet kollha mferrxa madwar Malta, għax kull xirja li tidħol onlajn tmur direttament fl-eqreb ħanut minn fejn saret l-ordni. Permezz tal-websajt inhoss li l-customer care ssaħħet u kull ordni li tidħol nikkunsidrawha l-istess daqs li kieku l-istess klijent ġie jixtri mill-ħanut u b’hekk kull klijient li jagħmel ordni onlajn ma jkunx wieħed minn ħafna imma l-attenzjoni li tingħatalu hija żgur waħda individwali.

Filwaqt li bħala negozju ridtu taraw li tkomplu tbigħu, matul dawn il-ġimgħat għentu lil xi ħadd li kien fil-bżonn?

Iva, fost azjendi u NGOs oħra, konna u għadna qed inkunu ta’ għajnuna lil The Malta Trust Foundation imwaqqfa mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, għall-familji fil-bżonn. Qed nibagħtu xirjiet ta’ kull ġimgħa lil Puttinu Cares sabiex ikunu jistgħu jsajru dak kollu li jeħtieġu għall-istaff u l-pazjenti, u anke lill-Pulizija u l-Armata ta’ Malta waqt il-ħin tax-xogħol organizzajna l-faċilità li jieħdu tè u kafè minn xi ħwienet tagħna. Qed nibagħtu xirjiet lil-istaff ta’ fejn qed isiru l-iswab tests, lit-tobba fl-Infectious Disease Unit fl-Isptar Mater Dei, lill-persuni li qed jirrispondu l-help lines u xi familji li jew għax ikkunttatjawna jew smajna bihom aħna li għandhom bżonn l-għajnuna.

Jekk bil-mod il-mod nibdew ħerġin minn din il-kriżi, x’se tkunu qegħdin tagħmlu biex terġgħu tingranaw mill-ġdid u tibdew ittejbu s-sitwazzjoni preżenti?

Peress li ahna bqajna għaddejjin bil-proċeduri normali tagħna , aktar milli x’se nkunu qed nagħmlu biex ningranaw, se nkunu qegħdin intejbu metodi ġodda li tgħallimna u qed nitgħallmu ta’ kif nistgħu noperaw, kemm mill-aspett iġeniku, kif ukoll metodi li jtejbu dik li hija effiċjenza. L-aktar ħaġa importanti hija li nibqgħu pożittivi. Żgur u mhux forsi l-awtoritajiet tas-saħħa qed imexxuna bl-aħjar mod, u nkunu fiduċjużi u nemmnu li ma ndumux ma noħorġu minn din il-mewġa li ħakmet lid-dinja kollha.

Ikun tajjeb li meta nibdew ħerġin minn din il-kriżi, bħala poplu Malti tajjeb li nibdew nippromwovu l-kummerċ lokalment biex b’hekk nibdew bil-mod il-mod indawru r-rota u kemm jista’ jkun nerġgħu nibdew inħaddmu n-negozji l-aktar affetwati u wara kollox inkunu qed nitfgħu xaqq ta’ dawl lil dawk in-negozji li bħalissa qed jaħsbu li ma fadalx tama għan-negozju tagħhom.

Sport